Lokali Parlament

Il-mozzjoni biex il-Ministru jikkollabora mal-Ombudsman ma tgħaddix

Mozzjoni tal-Oppożizzjoni biex il-Ministru Manwel Mallia jikkollabora mal-Ombudsman fl-investigazzjonijiet dwar promozzjonijiet fl-armata m’għaddietx mill-Parlament b’33 vot kontra u 29 favur, fi tmiem diskussjoni li saret l-Erbgħa filgħaxija.

Il-Parlament kien qed jiddibatti mozzjoni li ressqet l-Oppożizzjoni fl-aħħar ta’ Ġunju, meta faqqgħet it-tilwima bejn il-Gvern u l-Ombudsman fuq il-każ tal-inġustizzji fl-Armata.

Fid-diskorsi tiegħu, il-Kap tal-Oppożizzjoni, li fetaħ id-dibattitu, qal li qatt fl-istorja kostituzzjonali ta’ pajjiżna ma kien hawn każ fejn il-Gvern oġġezzjona li jikkopera mal-Ombudsman. Simon Busuttil qal li l-Ombudsman, kif jixraq, għandu d-dritt u d-dmir li jagħmel l-investigazzjoni fuq ilmenti, din id-darba minn uffiċjali tal-Forzi Armati li ġew trattati ħażin mill-Gvern fl-għoti ta’ promozzjonijiet.

Saħaq jgħid li dan hu każ li juri li l-Gvern mhux lest li jikkopera ma’ entitajiet indipendenti u istituzzjonijiet li xogħolhom huwa li jinvestigaw affarijiet li jistgħu ikunu skomdi għal Gvern.

Fid-dibattitu tkellem ukoll il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Intern Jason Azzopardi li żvela żewġ każi li juru kif kuntrarju għall-argumenti tal-Ministru Manwel Mallia, l-Ombudsman għandu kull ġurisdizzjoni jinvestiga dawn l-ilmenti.

Azzopardi spjega kif l-Ombudsman investiga żewġ ilmenti ta’ żewġ uffiċjali tal-Armata li nfetħu fi żmien il-Gvern preċedenti u fi Frar tas-sena li għaddiet dawn ingħataw raġun, bid-deċiżjoni tkun li dawn għandhom jingħataw kumpens. Liema kumpens tħallas f’Awwissu li għadda, jiġifieri fi żmien dan il-Gvern, mill-istess Ministeru Manwel Mallia li issa jrid iċaħħad lill-Ombudsman mid-dritt li jinvestiga.

Min-naħa tiegħu id-deputat Francis Zammit Dimech qal li jekk il-membri tal-Gvern għandhom l-interess nazzjonali għal qalbhom, allura kellhom jivvutaw favur il-mozzjoni tal-Oppożizzjoni. Id-deputat Carm Mifsud Bonnici qal li f’pajjiżna qatt ma kien hawn każ li wassal lill-Ombudsman li jasal biex jagħmel protest ġudizzjarju, filwaqt li l-Viċi Kap tal-PN Mario de Marco qal li l-mozzjoni saret biex tirrikonoxxi d-drittijiet tal-Ombudsman.

Għal Gvern tkellem il-Ministru Manwel Mallia u l-Ministru Owen Bonnici.

Id-dibattitu sar wara li l-Ispeaker kien irrifjuta talba biex dan is-suġġett jiġi diskuss b’urġenza għax din il-kwistjoni ħolqot kriżi kostituzzjonali, kif iddeskriviha l-Imħallef Giovanni Bonello, bl-Oppożizzjoni li imbagħad kienet ressqet mozzjoni biex isir dibattitu separat, li fil-fatt sar l-Erbgħa filgħaxija.

F’din il-kwistjoni, l-Ombudsman Joseph Said Pullicino spiċċa kellu jirrikorri għal Qorti wara li l-Ministeru tal-Intern irrifjuta li jgħaddilu informazzjoni li talab dwar il-proċess tal-promozzjonijiet fil-Forzi Armati Maltin biex ikun jista’ jinvestiga lmenti li ressqu quddiemu diversi membri tal-Armata li ħassew li saret inġustizzja magħhom meta nqabżu fil-promozzjonijiet. Dan wassal biex l-Ombudsman beda proċeduri legali kontra l-Gvern – pass bla preċedent, li kif iddekrivietu l-Oppożizzjoni meta ressqet il-mozzjoni tagħha lill-Ispeaker, juri li l-Gvern qed jimmina istituzzjoni kostituzzjonali ta’ pajjiżna u ma jridx joqgħod għall-iskrutinju tagħha.