Il-Parlament illejla qed jiddibatti mozzjoni li ressqet l-Oppożizzjoni fl-aħħar ta’ Gunju, meta faqqgħet it-tilwima bejn il-Gvern u l-Ombudsman fuq il-każ tal-inġustizzji fl-Armata.
Wara li l-Ispeaker kien irrifjuta talba biex dan is-suġġett jiġi diskuss b’urġenza għax din il-kwistjoni ħolqot kriżi kostituzzjonali, kif iddeskriviha l-Imħallef Giovanni Bonello, l-Oppożizzjoni kienet ressqet mozzjoni biex isir dibattitu separat, li fil-fatt qed isir fis-seduta tal-lum.
Dibattitu li fetħitu l-Oppozizzjoni b’diskors tal-Kelliem tagħha għall-Intern u s-Sigurta’ Nazzjonali Jason Azzopardi u se tagħlqu l-Oppożizzjoni wkoll bl-indirizz tal-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil.
F’din il-kwistjoni, l-Ombudsman Joseph Said Pullicino spiċċa kellu jirrikorri għal Qorti wara li l-Ministeru tal-Intern irrifjuta li jgħaddilu informazzjoni li talab dwar il-proċess tal-promozzjonijiet fil-Forzi Armati Maltin biex ikun jista’ jinvestiga lmenti li ressqu quddiemu diversi membri tal-Armata li hassew li saret inġustizzja magħhom meta nqabżu fil-promozzjonijiet. Dan wassal biex l-Ombudsman beda proċeduri legali kontra l-Gvern – pass bla preċedent, li kif iddeskrivietu l-Oppożizzjoni meta ressqet il-mozzjoni tagħha lil Ispeaker, juri li l-Gvern qed jimmina istituzzjoni kostituzzjonali ta’ pajjiżna u ma jridx joqgħod għall-iskrutinju tagħha.
Id-dibattitu beda fis-sitta u nofs u fl-intervent tiegħu Jason Azzopardi żvela żewġ każi li juru kif kuntrarju għall-argumenti tal-Ministru Manwel Mallia, l-Ombudsman għandu kull ġurisdizzjoni jinvestiga dawn l-ilmenti.
Azzopardi spjega kif l-Ombudsman investiga 2 ilmenti ta’ żewġ uffiċjali tal-Armata li nfetħu fi żmien il-Gvern preċedenti u fi Frar tas-sena li għaddiet dawn ingħataw raġun, bid-deċiżjoni tkun li dawn għandhom jingħataw kumpens. Liema kumpens tħallas f’Awwissu li għadda, jiġifieri fi żmien dan il-Gvern, mill-istess Ministeru Manwel Mallia li issa jrid iċaħħad lil Ombudsman mid-dritt li jinvestiga.
Id-dibattitu għadu għaddej u aħna nwasslulkom aktar dettalji dwar l-eżitu tiegħu fil-bullettin tal-ħdax tal-lejla.
//= $special ?>