Fuq medda ta’ 20,000 metru kwadru, il-kumpanija MedServ inawgurat l-ewwel solar panel farm f’Malta. Dan il-proġett sewa madwar €5 miljun f’investiment fi 8,000 pannella. Is-solar panel farm jinsab fil-limiti tal-Freeport, fl-inħawi fejn hemm l-uffiċini tal-MedServ, li twaqqfet madwar 40 sena ilu biex tipprovdi servizzi fil-qasam tal-loġistika fl-oqsma tal-importazzjoni u l-esportazzjoni tal-fuel.
F’kelmtejn tal-okkażjoni, iċ-Chairman tal-MedServ Anthony Diacono qal li l-kumpanija għamlet kambjamenti kbar kemm ilha mwaqqfa u dan kien l-aktar proġett riċenti bil-għan li l-kumpanija tkun aktar sostenibbli. Hu rringrazzja lil kull min għen biex il-proġett seta’ jsir fiż-żmien stipulat. Is-solar farm, l-ewwel wieħed tat-tip tiegħu f’Malta, se jkun qed jipproduċi madwar 2mW ta’ enerġija, grazzi għal 8,000 pannella u aktar minn 12,000km ta’ cables.
L-inawgurazzjoni saret fil-preżenza tal-Prim Ministru Joseph Muscat, li kien akkumpanjat mill-Ministru tal-Enerġija u s-Saħħa Konrad Mizzi, il-Ministru tal-Ekonomija, l-Investiment u l-Intrapriżi ż-Żgħar Chris Cardona u l-Ministru tal-Ambjent, l-Iżvilupp Sostenibbli u t-Tibdil fil-Klima Leo Brincat. Il-Prim Ministru qal li se jkun qed jara li l-Gvern juża’ sorsi ta’ enerġija nodfa li, skont hu, fil-passat ġew minsija. Qal li l-Gvern hu mpenjat li jutilizza aktar l-enerġija li ġejja mix-xemx, li hu sors abbundanti f’pajjiżna.
Madankollu, fl-ebda parti tad-diskors tiegħu Muscat ma semma’ li fl-aħħar ġimgħat il-Kummissjoni Ewropea avżat li jistgħu jinfetħu proċeduri kontra Malta jekk sal-2020 ma jintlaħqux il-miri ta’ pajjiżna dwar l-enerġija minn sorsi ta’ enerġija nodfa u rinnovabbli.