‘Nikbru lkoll bħall-aħwa Maltin’ – dan huwa l-isem ta’ Kunċert Mużikali li se jkun organizzat mill-Għaqda Mużikali Immakulata Kunċizzjoni Ħamrun.
Kunċert li b’hekk qiegħed jorbot l-anniversarji nazzjonali ta’ Malta Indipendenti, Repubblika, Ħielsa u Ewropea mal-35 sena anniversarju mit-twaqqif tal-istess banda.
L-anniversarju tal-banda se jitfakkar nhar id-29 ta’ Awwissu, però l-qofol taċ-ċelebrazzjonijiet jintlaħqu f’din il-ġimgħa, il-ġimgħa tal-festa tal-Immakulata Kunċizzjoni, ċelebrata kull sena fil-Ħamrun fl-ewwel Ħadd ta’ Lulju.
Il-kunċert se jkun mqassam b’marċi li lkoll għandhom rabta mal-festi nazzjonali, kif ukoll se tindaqq kanzunetta ġdida bl-isem ta’ ‘Ibqa’ semma’ l-melodija’. Kanzunetta ġdida fl-okkażjoni tal-35 sena anniversarju mit-twaqqif tal-Għaqda Mużikali. L-Awtur tal-kanzunetta huwa Sunny Aquilina, b’komposizzjoni ta’ Maestro Ray Sciberras u kantata minn Amber u Fabrizio Faniello.
Il-kumitat tal-Għaqda Mużikali Immakulata Kunċizzjoni Ħamrun qiegħed jistieden lil kulħadd biex jattendi bi ħġaru f’dan il-kunċert, kif ukoll għall-festa b’mod ġenerali.
Għal aktar dettalji, tista’ żżur il-paġna tal-Għaqda fuq: https://www.facebook.com/GhaqdaMuzikaliImmakulataKuncizzjoniAd1979
//= $special ?>