Lokali

L-għada tal-laqgħa tal-Kabinett dwar it-tneħħija tiegħu, il-Kummissarju tal-Pulizija jidher dieħel għal laqgħa f’Kastilja

Kmieni dalgħodu, għall-ħabta tad-9am, il-Kummissarju tal-Pulizija Peter Paul Zammit deher dieħel fil-Berġa ta’ Kastilja għal dik li sorsi nfurmati qalulna li setgħet tkun laqgħa importanti dwar il-futur tiegħu fit-tmexxija tal-Korp. Mhux ċar ma’ min kienet il-laqgħa li kellu Zammit, anke għaliex il-Prim Ministru Muscat deher dieħel Kastilja ferm warajh. L-impenn li kellu Zammit dam ftit mhux ħażin, tant li ħareġ minn Kastilja aktar minn siegħa wara. Fi tmiem il-laqgħa, hu evita l-cameras tagħna, li kienu qed jistennewh ħiereġ. Fil-fatt, hu ħareġ mill-bieb tal-ġenb, fi Triq Merkanti, fejn sab ix-xufier jistennieh bil-karozza.

Il-fatt li l-Kummissarju ġie msejjaħ f’Kastilja, l-għada ta’ laqgħa tal-Kabinett li kellha tiddiskuti l-ħatra ta’ Kummissarju ġdid, ikompli jikkonferma li t-tneħħija ta’ Zammit mit-tmun tal-Korp hi imminenti. Fil-jiem li għaddew kompla joħroġ dejjem aktar fil-beraħ li l-Gvern mhux kuntent bit-tmexxija ta’ Peter Paul Zammit. Iżda anke jekk għadu ma tħabbar xejn uffiċjalment, x’aktarx li fil-jiem li ġejjin jitħabbar li Zammit se jingħata kariga oħra minflok dik ta’ Kummissarju tal-Pulizija biex fit-tmexxija tal-Korp jinħatar xi ħadd ieħor minfloku.

Fl-aħħar sigħat jidher li l-favoriti għal din il-kariga issa niżlu għal tnejn, bil-ġlieda prinċipali tkun bejn id-Deputat Kummissarju Ray Zammit u l-Assistent Kummissarju Mario Spiteri. Madankollu, ma’ dawn qed jissemmew ukoll bħala kandidati l-Kap tas-Servizz Sigriet Michael Cassar u sa ċertu punt anke l-Assistent Kummissarju Neil Harrison, li llum imexxi l-Visa Central Unit. Dawn l-ismijiet jixhdu kif din il-ħatra ġabet magħha qasma fi ħdan il-Gvern, b’diversi fazzjonijiet jappoġġjaw il-kandidat tagħhom għal Kummissarju.

Min-naħa tal-Ministeru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, immexxi minn Manwel Mallia u ċ-Chief of Staff tiegħu Silvio Scerri, li taht ir-responsabbilta’ tagħhom jaqa’ l-Korp tal-Pulizija, hu naturali li qed jimbuttaw lil Ray Zammit, li jiġi l-kuġin tal-Ministru Mallia. Min-naħa l-oħra, Mario Spiteri jidher li hu l-favorit ma’ Kastilja u dawk vicin il-Prim Ministru, li qed jagħmlu minn kollox biex post Peter Paul Zammit jieħdu hu.

Madankollu, sorsi mill-qalba tal-Korp qed jgħidulna li Peter Paul Zammit, li ilu biss fil-kariga minn April 2013, mhux lest iwarrab minn jeddu. Is-sorsi qed jgħidu li aktar hu probabbli li jitneħħa milli jitfa’ r-riżenja tiegħu. Is-sorsi spjegaw ukoll li l-akbar problemi li kellu Zammit tul is-sena u ftit li ilu fil-kariga ma kienux direttament mal-Ministru Mallia, iżda ma’ nies fil-Ministeru tiegħu li, f’għajnejn il-Kummissarju, imminaw it-tmexxija tal-Korp bid-deċiżjonijiet tagħhom.

Għaldaqstant, jidher li Peter Paul Zammit għamilha ċara li mhux lest jibqa’ jaħdem aktar f’din is-sitwazzjoni.