Lokali Saħħa

L-MUMN se tiddikjara tilwima industrijali għax l-infermiera u l-qwiebel f’Mater Dei qed jiġu mċaħħda mill-iSpecial Leave

Il-qwiebel u l-infermieri fl-Isptar Mater Dei qed jiġu mċaħħda milli jingħataw Special Leave, kif inhu d-dritt tagħhom, mingħajr ma jingħataw raġuni valida. Jidher li dan qed isir bil-għan li jiġu ffrankati l-flus. F’avviż li l-President tal-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) baghat lill-membri tal-union li jaħdmu fl-Isptar Mater Dei, Paul Pace qal li d-Direttur tar-Riżorsi Umani f’Mater Dei mhix qed tapprova talbiet għal Special Leave mill-qwiebel u l-infermieri.

Għaldaqstant, jgħid l-avviż, jekk fi żmien erbat ijiem ma jkunx hemm żviluppi, l-MUMN se tkun qed tiddikjara tilwima industrijali u toħroġ numru ta’ direttivi għall-infermieri u l-qwiebel. Dan sakemm l-Uffiċċju tar-Riżorsi Umani ma jbiddilx din il-pożizzjoni. Paul Pace qal li mhux aċċettabbli li, filwaqt li ħaddiema oħra fiċ-Ċivil jistgħu jagħmlu użu mill-iSpecial Leave li hu dritt tagħhom skont il-Public Service Management Code, id-Direttur tar-Riżorsi Umani fl-Isptar Mater Dei qabdet u ddeċidiet li ma tapprovax dan il-Leave għall-infermieri u l-qwiebel biex jiġu ffrankati l-flus fl-overtime.

“Illum tnaqqir tal-iSpecial Leave … għada jkunu kwistjonijiet oħrajn”, saħaq il-President tal-MUMN fl-avviż lill-membri tal-MUMN. Hu kompla jgħid li hemm diversi metodi kif jistgħu jiġu ffrankati l-flus mid-Diviżjoni tas-Saħħa, iżda bħas-soltu l-mira tal-Gvern huma s-salarji tal-infermieri u l-qwiebel. Iżda din hi xi ħaġa li mhix aċċettabbli għall-MUMN.