Il-Knisja Kattolika Maltija lbieraħ laqgħet fi ħdanha seba’ Saċerdoti ġodda, li ġew ordnati mill-Arċisqof Pawl Cremona waqt Quddiesa fil-Konkattidral ta’ San Ġwann. Is-Saċerdoti ġodda huma tlieta Djoċesani u erba’ Reliġjużi u l-età tagħhom tvarja bejn 25 u 46 sena.
Is-Saċerdoti l-ġodda huma Fr Christian A Borg u Fr Joseph Formosa mill-Ordni Franġiskan Minuri Konventwali, Fr David Cortis mill-Ordni Agostinjan, Fr Luke Cutajar mill-Parroċċa tar-Rabat, Fr Clinton Farrugia mis-Soċjeta’ Missjunarja ta’ San Pawl, Fr Brian Gialanzè mill-Parroċċa ta’ Birżebbuġa u Fr Paul Mizzi mill-Parroċċa ta’ San Ġiljan.
Fl-Omelija tiegħu waqt il-Quddiesa, l-Arċisqof Pawl Cremona appella lil dawn is-Saċerdoti kollha biex jieħdu ħsieb il-midinbin fil-komunitajiet li se jkunu qed jaħdmu fiha għax dawk huma l-persuni li l-Mulej isejjaħ b’isimhom biex is-Saċerdoti jersqu lejhom.
L-Arċisqof qal li fost doni oħra li qed jirċievu ma’ din l-Ordinazzjoni, hemm li l-Mulej se jafdalhom f’idejhom lill-bnedmin kollha li se jiltaqgħu magħhom. Għaldaqstant, appella l-Arċisqof, il-bnedim għandhom ikunu dejjem fiċ-ċentru ta’ ħajjet is-Saċerdoti.
Mons Cremona qal li bħalma Kristu ħa l-forma ta’ ragħaj, hekk ukoll is-Saċerdoti għandhom jagħmlu l-istess ma’ dawk li jkunu fil-komunitajiet tagħhom. Hu talab ukoll lil dawk preżenti għall-Quddiesa biex jitolbu lil Alla għalihom biex jagħtihom il-grazzji li jeħtieġu fil-ħidma tagħhom.
(Ritratt: Photocity, Valletta)
//= $special ?>