Il-Membru Parlamentari Ewropew f’isem il-Partit Nazzjonalista Roberta Metsola ġiet appuntata bħala Viċi President tal-Kumitat tal-Parlament Ewropew dwar il-Petizzjonijiet. Din hi l-ewwel darba li MEP f’isem il-PN intgħażel jew intgħażlet bħala President jew Viċi President ta’ xi Kumitat tal-Parlament Ewropew. Dan il-Kumitat għandu importanza kbira għax, kif jixhed isem il-Kumitat stess, hu l-vuċi taċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.
Ir-rwol ta’ dan il-Kumitat hu li jinvestiga u jsib soluzzjonijiet għat-talbiet u l-ilmenti li jitressqu miċ-ċittadini. Roberta Metsola ġiet promossa għal din il-kariga wara li kien ilha biss sena membru tal-Kumitat, minn mindu ġiet eletta fil-Parlament Ewropew minflok il-Kap tal-PN Simon Busuttil. Matul din is-sena, il-Kumitat tal-Petizzjonijiet kellu rwol ċentrali għal Malta, hekk kif Roberta Metsola kienet ippreżentat petizzjoni ffirmata minn eluf ta’ Maltin kontra l-proposta tal-Gvern li jankra tanker tal-gass fil-Bajja ta’ Marsaxlokk.
//= $special ?>