Meta l-Kummissarju tal-Pulizija Peter Paul Zammit naqas milli jikkopera mal-aġenzija Ewropea ta’ kontra l-Frodi (OLAF), kienet qed tinkiser il-Liġi Ewropea. Għaldaqstant, il-Prim Ministru, li kien hu li appunta lil Peter Paul Zammit bħala Kummissarju, għandu jerfa’ r-responsabbiltà.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil qal dan fil-Parlament, ftit wara li l-Kap tal-OLAF Giovanni Kessler żvela li l-Kummissarju tal-Pulizija Peter Paul Zammit injora tliet talbiet għal informazzjoni li sarulu mingħand Kessler b’rabta ma’ investigazzjoni ġdida dwar il-każ tal-eks Kummissarju Ewropew Malti John Dalli.
Madankollu, fi stqarrija maħruġa mill-Korp tal-Pulizija, intqal li l-Kummissarju tal-Pulizija jsostni li saret talba waħda mill-OLAF, li ġiet imwieġba lura wara li saru l-verifiki neċessarji skont il-Liġi. L-istqarrija tal-Pulizija tkompli tgħid li l-Kummissarju ma jistax ma jimxix mal-Liġi u jippermeti ġbir ta’ allegat evidenza li mhux permess bil-Liġi.
Sadanittant, fi stqarrija b’reazzjoni, John Dalli ppubblika ittra li hu kien bagħat lill-iSpeaker fis-17 ta’ Ġunju 2014, li fiha talab li anke hu jitla’ jixhed quddiem il-Kumitat Parlamentari tal-Privileġġi. Dwar dak li qal Kessler, li jekk jiġi Malta jista’ jiġi arrestat, Dalli qal li meta kien fi Brussell fid-19 ta’ Ġunju ltaqa’ ma’ xi avukati u ġurnalisti. Hu qalilhom li bl-evidenza li qed toħroġ, Kessler jista’ jkun fl-inkwiet.
Sostna li fl-aħħar 18-il xahar, Kessler irrifjuta li jwieġeb mistoqsijiet li saru mill-Parlament Ewropew, mill-NGOs u mill-Ombudsman. Jidher biċ-ċar, sostna Dalli, li Kessler qed jibża’ jwieġeb il-mistoqsijiet.
Intant, l-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi rreaġixxa għall-ittra ta’ John Dalli, li fiha ddikkjara li hu qatt ma ltaqa’ ma’ Kessler.
Anke l-Gvern irreaġixxa għal dawn l-iżviluppi. Fi stqarrija qal li peress li jeżistu verżjonijiet differenti, il-Gvern se jkun qed jikteb direttament lill-Aġenzija OLAF biex tipprovdi dettalji ta’ meta għamlet it-talbiet tagħha lill-Pulizija ta’ Malta u fuq liema bażi saru dawn it-talbiet. Fl-istqarrija, il-Gvern qal li jemmen fl-indipendenza tal-Korp tal-Pulizija u ma jindaħalx fit-tmexxija tagħha.
Sadanittant, l-eks Kummissarju Ewropew John Dalli, fi stqarrija oħra, wieġeb ukoll għal dak li qal il-Kap tal-Oppożizzjoni fil-Parlament u akkużah b’diżonestà u li għaggel meta kkonkluda li l-Kummissarju tal-Pulizija kiser il-Liġi Ewropea għax ma kkollaborax mal-OLAF. Dalli staqsa jekk Simon Busuttil għandux xi informazzjoni minn ġewwa dwar it-talba li għamel l-Uffiċċju Ewropew kontra l-Frodi lill-Pulizija Maltija.
Dalli staqsa jekk mhux il-każ, allura għaliex il-Kap tal-Oppożizzjoni qed jagħmilha tal-Imħallef. Dalli fakkar li l-istess kien ġara fl-2012 meta Giovanni Kessler, skont hu, ivvinta li seta’ kien hemm frodi minn flus Ewropej biex isib skuża ħalli jiġi Malta u jinterroga ċittadin Malti mingħajr ma kellu dritt jagħmel dan. Dalli akkuża wkoll lill-Kap tal-OLAF li dakinhar ta permess lilu nnifsu bħala investigatur ewlieni fil-każ biex ibiddel l-iskop tal-investigazzjoni darbtejn fi żmien ħamest ijiem. Staqsa x’għamel dakinhar Simon Busuttil bħala Membru Parlamentari Ewropew, hekk kif bdew joħorġu dawn il-fatti.
//= $special ?>