Fl-aħbarijiet dinjin għadu kemm kellna l-istorja ta’ mara Sudaniża, Mariam Ibrahim, li, wara li żżewġet raġel Nisrani, xlewha li qalbet ir-reliġjon u qatgħuhielha għall-mewt. Fl-appell mis-sentenza tat-tgħalliq u ta’ mitt daqqa bil-frosta, inħelset. Imma l-każ qanqal lid-dinja biex taħseb fuq il-libertà tat-twemmin f’ħafna pajjiżi.
Reliġjonijiet li qed ibatu intolleranza u persekuzzjoni
Aktar qribna, l-Insara Kopti fl-Eġittu batew attakki qattiela fuqhom, kif qed isofru ħafna Nsara f’pajjiżi fejn mhumiex fil-maġġoranza. U reliġjonijiet oħrajn ukoll ibatu intollerenza u persekuzzjoni li ma jbatuhomx l-Insara biss.
Il-libertà bażika tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tat-twemmin…
Il-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tat-twemmin hija l-aktar libertà bażika. Warajha jiġu libertajiet oħrajn importanti: il-libertà tal-espressjoni li xxandar twemminek jew ħsiebek, u l-libertà tal-assoċjazzjoni li tingħaqad ma’ ħaddieħor tal-istess twemmin.
…ta’ kull bniedem waħdu jew ma’ oħrajn, fil-miftuħ jew fil-magħluq
Id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, magħmula fl-1948 mill-Ġnus Magħquda, tgħid: kull bniedem għandu jkun ħieles fi ħsiebu, fi twemminu u fil-kuxjenza; din il-libertà tinkludi dik li jibdel twemminu; u li waħdu u ma’ oħrajn, fil-miftuħ u fil-magħluq, twemminu jurih, jgħallmu u jwettqu bil-qima u bl-osservanza.
Modi sottili kif tkun imminata l-libertà tat-twemmin
Meta l-libertà tat-twemmin tinkiser b’mod daqstant qawwi bħalma ġara fis-Sudan dan l-aħħar, bir-raġun inkunu xxukkjati. Imma rridu nkunu konxji wkoll tal-mod kif il-libertà tat-twemmin tista’ tkun imminata b’mod sottili ferm eqreb lejna.
Attentat biex it-twemmin ikun privatizzat
F’pajjiżi tal-Punent u anke f’Malta, għaddej attentat biex it-twemmin ikun privatizzat. Min juri twemminu jew fehmiet li joħorġu minnu, malajr jaqbżu fuqu u jgħidulu biex twemminu jżommu għalih, jgħajruh li hu antikwat jew kważi jgħadduh b’miġnun.
Soċjetà libera tassew u pluralista kif nixtiquha
Is-soċjetà li nixtiequ ngħixu fiha hi soċjetà libera u pluralista; il-libertà tfisser li kull min għandu fehma għandu kull dritt juriha u jidħol f’dibattitu ħieles ma’ ħaddieħor ta’ fehmiet differenti ħalli s-soċjetà tagħraf il-wisa’ ta’ fehmiet li jkun hemm fi ħdanha.
Ħadd m’għandu dritt jimponi fuq ħadd
Ħadd m’għandu dritt jimponi fuq ħadd; la li wieħed jimponi twemminu fuq ħaddieħor u lanqas l-impożizzjoni fuq xi ħadd biex ma jkunx jista’ juri twemminu jew fehmiet li joħorġu minnu.
Konxji mill-intolleranza lejn min jemmen
Irridu nkunu konxji mill-intolleranza lejn min jemmen għax l-intolleranza thedded il-libertà bħalma theddidha l-persekuzzjoni qawwija u fl-apert li meta nisimgħu aħbarijiet dwarha bħal dan l-aħħar, bir-raġun, tixxukkjana.