Futbol Sport

Hibs imorru viċin rimonta nkredibbli

HIBERNIANS………………..2
SPARTAK T. ………………..4

Hibernians: D. Balzan, Rui Da Gracia, J. Pearson, T. Tabone Desira, Rodolfo Soares, B. Kristensen, C. Failla (J. Degabriele 81′), J. Bezzina, Marcelo Dias (B. Muscat 65′), A. Cohen, J. Farrugia (Mbong 90′)

Spartak Trnava: Strapak, Siva (Bortel 58′), Janecka, Toth, Cornka, Mikovic (Mikinic 74′), Vlasko, K. Kuzma, Chovanec, Spalek (Schranz 55′)

Imwissija: Janecka (ST), Kristensen, Failla (H)
Tkeċċa: J. Pearson 10′ (H)
Skorjaw: Sabo pen. 11′, 13′, Vlasko 36′, Mikinic 88′ (ST)< Cohen 49', Failla 50' (H)
Referee: Mark Whitby (Wales)

Tkeċċija wara biss għaxar minuti u żewġ gowls f'temp ta' żewġ minuti eżatt wara, għamlu l-isfida ta' Hibernians kontra s-Slovakki ta' Spartak Trnava ferm diffiċli. Madankollu żewġ gowls mit-tim ta' Nisevic mal-ftuħ tat-tieni taqsima, ħallew xaqq ta' tama li t-tim Pawlist għad jista' javanza għat-tieni round tal-Europa League anke jekk il-gowl li qalgħu fl-aħħar kien kiefer wisq għal 2-4.

Nisevic beda bil-formazzjoni ta' 3-5-2 fejn kellu lill-attakkant Jackson Lima nieqes minħabba li kien imweġġa', Tarabai sospiż waqt li Zoran Levnaic se jitlaq il-klabb biex jingħaqad ma' Żebbuġ.

Hibs iżda ħarġu tajjeb u wara biss tmien minuti Bjorn Krsistensen kellu ċans tad-deheb li jiftaħ l-iskor wara li ħa rebound fuq xutt imblukkat ta' Failla.

Imma żewġ minuti wara daqqa ta' ħarta kbira għall-Pawlisti meta Jonathan Pearson intwera direttament il-karta l-ħamra għal fawl fuq Mikovic fil-kaxxa u mill-penalty sussegwenti SABO fetaħ l-iskor. Kollox deher ġej ħażin għal Hibs meta żewġ minuti wara minn corner ta' Kuzma, reġa' kien SABO li rdoppja. Żewġ gowls li ħarbtu l-pjani kollha li ħareġ bihom Nisevic.

Minuta wara Cohen ipprova jaħsad lil Strapak li salva f'corner u mbagħad kien Failla li xeħet barra.

Sabo baqa' jkun il-plejer li beda joħloq l-aktar problemi għal Hibs u ma kinitx sorpriża li fis-36 minuta VLASKO b'xutt mid-distanza ħasad lil kulħadd u skorja t-tielet gowl.

Hibs għalqu t-taqsima fuq l-attakk fejn Farrugia falla ċans tajjeb li jnaqqas id-distakk, bil-ballun imblukkat f'corner.

Konxji mid-diffikulta tal-partita Hibs ħarġu aktar aggressivi fit-tieni taqsima u wara biss erba' minuti, minkejja li kienu bi plejer anqas, naqqsu l-iskor meta ngħataw freekick għal foul fuq Failla u ANDREW COHEN spara fix-xibka għal 1-3.

Kien gowl li mela bil-kurġaġ lill-Pawlisti li appena minuta wara komplew inaqqsu l-iskor minn freekick ieħor, din id-darba mogħti għal foul fuq Farrugia u bix-xellug CLAYTON FAILLA għamilhom 2-3.

Dawn iż-żewġ gowls ħasdu lill-kowċ Jarabek li malajr irrikorra għal żewġ bidliet biex jistimola lil sħabu waqt li Hibs donnhom aktar qamu fuq tagħhom u bdew ifittxu anke d-draw.

Kien fl-aħħar minuti meta bdiet dieħla l-għejja li s-Slovakki ippressaw biex imorru lura d-dar b'żewġ gowls vantaġġ u Nisevic lagħab il-karta Jurgen Degabriele flok Failla li ħadem bla waqfien. Imma żewġ minuti mit-tmiem, is-sostitut MIKINIC li kien ilu biss ftit minuti fil-ground aċċerta r-rebħa wara suġġeriment tas-sostitut l-ieħor Schranz.

Sat-tmiem Nisevic ta wkoll id-debutt liż-żagħżugħ l-ieħor Mbong li b'hekk ukoll lagħab fl-ewwel kompetizzmnoni Ewropeja tiegħu fuq bażi ta' klabb.