Qorti

Il-każ ta’ Silvio Zammit differit għax xhieda barranin kienu assenti

Il-kumpilazzjoni ta’ Silvio Zammit li kellha tkompli llum quddiem il-Maġistrat Anthony Vella reġgħet ġiet differita minħabba li l-Avukat Kenneth Grima, f’isem il-kumpanija barranija Swedish Match u li kellu jagħti x-xhieda tiegħu, ma kienx preżenti minħabba li jinsab imsiefer. L-Avukat Grima ippreżenta Rikors fil-Qorti biex jgħid li ma kienx se jattendi s-seduta minħabba li jinsab imsiefer.

Hawn intervjena l-Avukat Edward Gatt, li flimkien mal-Avukat Kris Busietta qed jidher għal Silvio Zammit, li tenna li fil-kumpilazzjoni, ix-xhieda Maltin kollha dehru fil-Qorti u taw ix-xhieda tagħhom. Qal li għad fadal biss ix-xhieda barranin. Madankollu, għat-tielet darba konsekuttiva, ix-xhieda barranin ma tawx ix-xhieda tagħhom, f’dan il-każ l-Avukat Grima, li qed jirrappreżenta kumpanija barranija. Silvio Zammit, ta’ 50 sena minn Tas-Sliema, jinsab akkużat b’tixħim u li pprova jinfluwenza deċiżjoni politika tal-Unjoni Ewropea.

“Filwaqt li kulħadd ifajjar u jikteb l-ittri fuq il-gazzetti, Silvio Zammit għadu għaddej b’din il-kawża. Ilna ma nagħmlu xi ħaġa f’din il-kawża żmien twil, kulħadd gallarija. Dawn ix-xhieda, għat-tielet seduta konsekuttiva baqgħu ma telgħux jixhdu. Gabrielsson, Kessler u Delfosse mhux qed jitilgħu jixhdu għax jafu li kif jirfsu l-Ajruport ta’ Malta se nagħmlulhom il-Mandati għax kisru l-proċeduri. Madankollu, jekk dawn jibqgħu ma jitilgħux jixhdu, dawn il-proċeduri se jkollhom jieqfu” qal l-Avukat Gatt.

Il-Maġistrat Anthony Vella wieġeb bil-kalma “tiġrix hawnhekk”, bil-każ jiġi differit għall-10 ta’ Lulju li ġej.

Silvio Zammit jagħmel stqarrija lill-ġurnalisti

Sadanittant, wara s-seduta Silvio Zammit għamel stqarrija lill-ġurnalisti, li fiha allega li f’Novembru 2012 Avukat qrib tal-Partit Nazzjonalista kien offrilu l-Maħfra Presidenzjali. Qal li meta staqsa lil dan l-Avukat din x’inhi u għaliex, dan wieġbu li d-dokument jeħilsu u jipproteġieh basta jgħid xi ħaġa fuq Dalli.

Zammit qal li hu rrifjuta mmedjatament għax “mhux sew li ngħid xi ħaġa li mhix verità”. Kompla li lil dan l-Avukat qallu li ma kienx se jgħix kuntent, billi liberu, jekk ikun parla kliem li mhux minnu fuq ħaddieħor. Mal-ġurnalisti, allega wkoll li meta ġie arrestat, l-eks Kummissajru John Rizzo, fil-preżenza tad-Deputat Kummissarju Lawrence Cauchi, l-Assistent Kummissarju Michael Cassar u l-Ispettur Angelo Gafa, qal lil Zammit li “mela ħu kollox fuqek la ma trid tgħid xejn”.

Silvio Zammit kompla jallega li “għal diversi drabi l-Kummissarju John Rizzo kien iwaqqaf ir-recording” u jistaqsieh biex jgħidlu kemm kien se jkun is-sehem ta’ John Dalli. Zammit qal li t-tweġiba tiegħu kienet tkun biex jerġa’ jixgħel ir-recording u jistaqsieh waqt ir-recording. Sostna li sena ilu ta dawk li sejjaħ bħala “il-provi tal-verità” lill-Pulizija: hard disk u ċertifikati tal-Inġinier li għamel l-analiżi fuq il-kompjuter tiegħu.

Silvio Zammit qal li għalkemm kien ta l-provi kollha, sal-lum għadha ma ġietx ippreżentata karta waħda fil-Qorti. Dan minkejja li hu d-dover tal-Pulizija li jressqu kollox quddiem il-Qorti, kemm dawk favur u dawk kontra. “Kieku sar dan, ħafna paroli u spekulazzjonijiet fil-media kienu jintqatgħu għax il-verita toħroġ u jibdew proċeduri kriminali kontra min għaffeġġ u ħawwad kollox f’din is-saga”, sostna Zammit. Hu kkonkluda billi qal li Dalli ma kellu x’jaqsam xejn ma din l-istorja u ma kien jaf xejn x’qed jiġri. Wisq anqas ma kien jaf min se jmur ikellmu fiż-żewġ laqgħat li Zammit kien involut fihom f’Awwissu 2011 u f’Jannar 2012, temm jgħid fl-istqarrija.