Opera vs Pop Under the Stars – is-Seba’ Edizzjoni
Sa mit-twaqqif tagħha fl-2002, il-‘Gozo Youth Wind Band and Orchestra’, li tikkonsisti f’żewġ gruppi ta’ mużiċisti żgħażagħ u promettenti, ma waqfitx milli tferraħ lill-pubbliku b’għadd ta’ spettakli għall-gosti ta’ kulħadd. Ġejjin minn kull rokna t’Għawdex, dawn il-mużiċisti mgħejjuna wkoll minn element tajjeb ta’ talent li nsibu f’bosta mir-residenti barranin fil-gżira Għawdxija, jiltaqgħu regularment għal kunċerti biex ihejju għall-progammi li huma jagħtu kemm f’Għawdex kif ukoll f’Malta minn żmien għal żmien. Il-kunċett kollu wara din l-attivita’ li kienet bdiet wara mawra li kienu għamlu fostna d-“Derbyshire City and County Youth Wind Band and Orchestra’ fl-2002, huwa li jagħtu ċans lill-mużiċisti żgħażagħ li jdoqqu flimkien u joħolqu shows ta’ mużika differenti minn dik li s-soltu nisimgħu u li tinżel tajjeb ma’ kulħadd.
Wara s-sitt edizzjonijiet tal-ispettaklu kulurit “Opera vs Pop under the Stars”, kif ukoll is-serata mużikali fil-ftuħ tan-Notte Gozitana – Lejlet Lapsi 2012, issa l-Gozo Youth Orchestra b’kollaborazzjoni mal-Ministeru għal Għawdex u l-Ambaxxata Amerikana f’Malta, sejra tippreżenta “Opera vs Pop under the Stars” – is-Seba’ Edizzjoni, nhar it-Tnejn, 28 ta’ Lulju 2014 fit-8.30pm (dawk preżenti mitluba jkunu f’posthom kwarta qabel). Mistiedna speċjali se jkunu l-Ministru għal Għawdex l-Onor Dr. Anton Refalo u l-Ambaxxatriċi tal-Istati Uniti għal Malta l-E.T. Gina Abercrombie-Winstanley.
F’dan il-kunċert se jieħdu sehem fost l-oħrajn, is-Sopran imwielda f’Għajnsielem imma li tgħix f’New York, Pamela Agius, il-Baxx Noel Galea u l-kantant pop Taljan Francesco Joseph Nicodeme. Fl-ewwel parti tal-programm, l-Orkestra dejjem taħt id-direzzjoni tal-Fundatur tagħha s-Surmast Joseph Grech se tesegwixxi siltiet minn Opri u xogħlijiet klassiċi, waqt li fit-tieni parti nassistu għal varjeta sabiħa minn Soundtracks ta’ Films u Musicals popolari u magħrufa.
Dan l-avveniment issa sar parti mill-kalendarju tas-sajf u jkun mistenni mill-Għawdxin u minn ħafna Maltin u barranin li jgħixu fostna. Mużika sabiħa, logħob tad-dawl, ambjent mill-aqwa u sirda sajfija huma parti mill-ingredjenti li jipprovdi dan l-ispettaklu annwali flimkien ma xarba friska wara x-show! Jekk trid tkun ċert minn post fil-bitħa tal-Ministeru fi Pjazza San Franġisk, Victoria, nhar it-Tnejn 28 ta’ Lulju filgħaxija, ċempel 79421611/99421611 inkella ikteb f’dan l-indirizz elettroniku li ġej: gozowindbandorchestra@yahoo.co.uk. Tista’ ukoll tibbukkja postijiet VIP li jinkludi Cocktail reception qabel il-Kuncert kif ukoll post garantit fl-ewwel 3 fillieri.
Dan il-kunċert qed jiġi mwassal bill-kollaborazzjoni tal-Ministeru għal Għawdex, l-Ambaxxata Amerikana għal Malta, it-Taqsima tal-Kultura fi ħdan il-Ministru għal Ghawdex, Joseph Portelli Projects u General Soft Drinks Co. Ltd.
//= $special ?>