Il-Partit Nazzjonalista qed jipproponi li min jinqabad b’pussess tad-droga għall-użu personali għall-ewwel darba m’għandux jitressaq il-Qorti iżda jingħata l-għajnuna u s-soċjetà tieħu ħsieb tara kif din il-persuna toħroġ mill-problema tad-droga. Din tfisser bidla mis-sistema preżenti, fejn persuna li tinqabad bid-droga għall-użu personali, għall-ewwel darba titressaq il-Qorti, anke jekk ħafna drabi ma tintbagħatx il-ħabs. Fl-istess waqt, il-PN itenni l-pożizzjoni iebsa tiegħu li għandu jkun hemm tolleranza zero għat-traffikar tad-droga għax min ibigħ id-droga jkun qed ibigħ il-mewt.
Dwar dan tkellem il-Viċi Kap tal-PN Beppe Fenech Adami waqt il-programm “Iswed fuq l-Abjad”, immexxi mill-Avukat Frank Psaila, li minn din il-ġimgħa u fl-iskeda tas-Sajf ta’ NET Television, qed jixxandar l-Erbgħa. Il-Viċi Kap tal-PN qal li l-PN issa qed jistenna li l-Gvern jippublika l-White Paper bil-proposti tiegħu dwar dan is-suġġett. Madankollu, anke hawn l-Oppożizzjoni qed tkun proattiva u qed toħroġ bil-proposti tagħha. Fenech Adami spjega li dawn il-proposti huma frott ta’ diskussjoni li saret fi ħdan il-Grupp Parlamentari Nazzjonalista.
Beppe Fenech Adami spjega li l-proposta tal-PN tinkludi li persuni li jinqabdu b’pussess għall-użu personali għall-ewwel darba jidhru quddiem bord li jiggwida t-triq ‘il quddiem għall-għajnuna minflok li jitressqu quddiem Qorti b’akkużi kriminali. Hu sostna, madankollu, li l-messaġġ tal-PN hu wieħed li jenfasizza li d-droga tagħmel il-ħsara u li twassal biex jinħolqu vittmi, filwaqt li għandu jibqa’ jkun hemm pożizzjoni ċara kontra it-traffikar tad-droga.
Matul il-programm, Frank Psaila staqsa wkoll lill-Viċi Kap tal-PN dwar il-pożizzjoni tal-Partit dwar il-finanzjament tal-partiti politiċi u l-proposti li qed iressaq il-Gvern. Beppe Fenech Adami qal li ħafna minn dawn il proposti kienu saru mill-PN. Madankollu, qal Beppe Fenech Adami, din il-Liġi se tidħol fis-seħħ f’sitwazzjoni fejn iż-żewġ partiti mhux se jitilqu mill-istess punt tat-tluq għax il-Partit Laburista qed jitlaq minn vantaġġ ta’ miljuni ta’ ewro wara li rregala lilu nnifsu l-art magħrufa bħala Australia Hall f’Pembroke.
Il-Viċi Kap tal-PN tkellem ukoll dwar l-immigrazzjoni u fakkar kif din il-ġimgħa stess l-Oppożizzjoni ressqet proposti u ħarget l-id tal-koperazzjoni biex il-Gvern u l-Oppożizzjoni jkollhom front komuni fuq din l-isfida.
//= $special ?>