Pilastru ewlieni li fuqu l-Partit Nazzjonalista se jkompli jibni l-politika tiegħu dwar is-Saħħa hi s-sostenibbiltà. Dan qalu l-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar is-Saħħa Claudio Grech f’konferenza tal-aħbarijiet, li għaliha kien preżenti wkoll il-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista David Agius. Claudio Grech fakkar li s-sostenibbiltà tas-sistema tas-Saħħa f’pajjiżna kienet fost ħames rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea elenkati f’rapport ippublikat mill-Kummissjoni Ewropea dwar ir-Riforma Nazzjonali fis-settur tas-Saħħa.
Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni enfasizza l-bżonn li pajjiżna jiffoka aktar fuq il-Kura fil-Komunità u l-Kura Primarja. Claudio Grech elenka erba’ punti li qed iwasslu għall-ineffiċjenzi fis-sistema tal-Kura fil-Komunità u s-Saħħa Primarja.
L-ewwel waħda hi li l-Gvern mhux qed jiffoka biżżejjed fuq strateġija għal dan l-aspett tas-settur tas-Saħħa. Minhabba li l-Gvern hu ffukat wisq fuq l-Isptar Mater Dei, mhux qed ikun hemm sforzi strateġiċi biex jitjiebu l-Kura fil-Komunità u l-Kura Primarja, sostna Grech. Fakkar li fil-Budget 2014 il-vot allokat għar-refurbishment taċ-Ċentri tas-Saħħa naqas b’60%, waqa’ lura x-xogħol li kien beda Gvern Nazzjonalista biex ikun hemm żewġ hubs reġjonali f’Raħal Ġdid u r-Rabat, filwaqt li tħabbar tibdil fid-Dipartiment tal-Emerġenza li se jidduplika xogħol li jista’ jsir miċ-Ċentri tas-Saħħa.
It-tieni punt li semma’ Claudio Grech hu li fis-sistema tas-Saħħa Pubblika m’hemmx biżżejjed kontinwità tal-kura u pazjent spiss jesperjenza sitwazzjoni fejn jiġi trattat minn Tobba differenti jekk iżur Ċentri tas-Saħħa fi ġranet differenti. Punt ieħor elenkat hu li r-riżorsa umana mhux qed tintuża’ fil-kapaċità massima tagħha, filwaqt li xi xogħol li jista’ jsir pereżempju minn Tabib qed isir minn Konsulent. Ir-raba’ punt elenkat hu li hemm bżonn integrazzjoni aħjar tat-Tobba tal-Familja fis-sistema tas-Saħħa Pubblika biex jiġi evitat xogħol doppju.
Fil-kuntest ta’ dawn l-isfidi, Claudio Grech qal li l-PN jemmen li s-sistema tal-Kura fil-Komunità u s-Saħħa Primarja tista’ ssir aktar sostenibbli billi jitnaqqas l-influss ta’ in-patients fl-Isptar Mater Dei, titjieb il-kwalità tas-servizz tas-Saħħa u billi jkun hemm aktar enfażi fuq il-prevenzjoni, l-edukazzjoni, l-iscreening u l-Kura Ambulatorja. Fil-konferenza tal-aħbarijiet ħareġ ukoll li l-Gvern għadu ma mexxiex ‘il quddiem il-Private Members Bill li kien ressaq l-istess Claudio Grech fit-13 ta’ Mejju li għadda biex pazjenti li jkunu ilhom fuq il-waiting list u li jkollhom dritt jagħmlu operazzjoni barra minn Malta, jkunu jistgħu jagħmluha b’xejn fi Sptar Privat f’Malta stess.
Il-Whip tal-PN David Agius qal li r-rappreżentanti tal-Gvern fil-Kumitat tax-Xogħol tal-Kamra darbtejn qalu li l-Gvern għadu qed jiddiskuti l-pożizzjoni tiegħu dwar din il-Private Members Bill u sostna li dawn mistennija jiġu b’pożizzjoni fil-laqgħa li jmiss tal-Kumitat. David Agius qal li l-Oppożizzjoni tixtieq li din il-Private Members Bill, li hi kruċjali għal pazjenti li ilhom jistennew operazzjoni, titressaq ‘il quddiem qabel il-Parlament jieqaf għall-vaganzi tas-Sajf.
//= $special ?>