Lokali

L-aħħar preparamenti għall-Maratona tal-Volleyball b’risq id-Dar tal-Providenza

Fid-Dar tal-Providenza tispikka l-istennija għal tmiem din il-ġimgħa u l-ħidma fuq l-aħħar preparamenti għall-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Maratona ta’ Volleyball b’risq din id-Dar. Il-Maratona ser ssir bejn il-Ġimgħa u l-Ħadd li ġejjin u mhux biss se tkun spettaklu ta’ ġenerożità, iżda wkoll spettaklu ta’ talent Malti. Iċ-Chairmain tal-Kumitat Organizattiv tal-Maratona Emmanuel Zammit, akkumpanjat minn Jesmond Saliba, spjega li fil-Maratona qed jagħtu sehemhom aktar minn 350 voluntier u 40 plejer. Din se tkun inawgurata l-Ġimgħa fil-5.30pm mill-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca.

Matul it-tlett ijiem, dawk li se jżuru din il-Festa jistgħu jgawdu spettaklu miżgħud bl-aqwa talent lokali, fosthom Fiona Cauchi, Danica Muscat, Kurt Cassar, Malcolm Pisani, il-kor Animae, Chris u Moira, Enya Magri, Kurt Calleja, The Greenfields, Michela Dalli, JAnvil, Tiziana Calleja’s Teens, il-kor ta’ Gillian Attard, Gaia Cauchi, Federica Falzon, Mary Rose Mallia, Freddie Portelli u l-band ta’ Spiteri Lucas. Zammit u Saliba spjegaw li apparti spettakklu ta’ talent, se jkun hemm ukoll għażla vasta ta’ ikel li se jkun qed jinbigħ, kif ukoll żona ddedikata apposta għat-tfal.

Għad-diletanti tal-football li ma jixtiequx jitilfu xi partita tat-Tazza tad-Dinja, ma jonqosx li jkun hemm ukoll big screen. B’hekk, il-Maratona żgur li se jkollha ftit minn kollox għal kulħadd ħalli tispikka l-atmosfera ta’ familja. Fuq kollox, il-Maratona se tkun ċentru tad-divertiment għal kull min jattendi. Il-Maratona tiġi fi tmiemha l-Ħadd f’12am, bit-tama li tkun inġabret somma sabiħa b’risq id-Dar tal-Providenza. Id-Dar tal-Providenza tospita aktar minn 100 resident u għandha bżonn aktar minn €10,000 kuljum biex twettaq il-ħidma tagħha.

Il-Maratona se tkun qed tixxandar fuq l-istazzjonijiet tat-televiżjoni prinċipali, fosthom NET Television.