Lokali

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta jilqa’ aktar minn 1.8 miljun passiġġier fl-ewwel sitt xhur tas-sena

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta diġà laqa’ aktar minn 1.8 miljun passiġġier minn Jannar sal-lum. Iż-żieda rreġistrata kienet ta’ 7.7%, meta mqabbla mal-istess perjodu s-sena li għaddiet.

Ġew reġistrati riżultati pożittivi fis-swieq kollha, bi Franza tirreġistra l-akbar żieda, dik ta’ 17.9%. Ir-Renju Unit jibqa’ l-akbar suq, u jżomm l-ewwel pożizzjoni b’żieda ta’ 6.6%.

Tkabbir sinifikanti ġie rreġistrat ukoll mis-suq Taljan, fejn riżultati mtejba fuq rotot eżistenti u t-traffiku fuq rotot ġodda bħal Parma u Venezja kkontribwew ukoll għal dan it-tkabbir.

Il-Libja wriet ukoll sinjali ta’ rkupru matul dan il-perjodu u assigurat il-ħames post. B’kollox is-Seat Load Factor għall-ewwel sitt xhur tas-sena żdied b’0.5% fejn laħaq medja ta’ 75.6%.

“Kuntenti ħafna li qed naraw xejra pożittiva kontinwa f’dawn is-swieq, u nittamaw li din it-tendenza tkompli fix-xhur tas-sajf li ġejjin li huma l-aktar kruċjali għal dawk fl-industrija,” qal Markus Klaushofer, Kap Eżekuttiv tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.

F’Ġunju, in-numru ta’ passiġġieri żdied bi 3% meta mqabbel mal-istess xahar tas-sena li għaddiet. F’ġunju, is-Seat Load Factor kien ftit anqas, b’0.8 punti perċentwali. Seat Capacity żdied b’4.1%.
Il-moviment tal-ajruplani żdied b’5.3%. Sadanittant f’ġunju, ir-Renju Unit kompla jkun minn tal-ewwel bħala l-akbar suq, fejn żdiedu l-passiġġieri bi 3.7%.

L-ogħla tkabbir tax-xahar ġie rreġistrat minn Franza b’19.4%, fejn hi r-raba’ l-akbar suq. Dan kien riżultat dirett ta’ żieda fit-traffiku mill-ajruporti ta’ Pariġi, flimkien mat-tkabbir iġġenerat minn rotot introdotti riċentament għall-belt Franċiża tal-punent, Nantes. Simili għax-xhur ta’ qabel, l-Olanda baqgħet fl-istess pożizzjoni, u rreġistrat żieda ta’ 6%.

Filwaqt li s-suq Ġermaniż iġġenera żieda sostanzjali minn rotot bħal Frankfurt, it-tnaqqis globali minn dan is-suq hu direttament relatat mal-fatt li l-operazzjoni Cruise and Fly bdiet aktar tard.
Għall-perjodu taħt reviżjoni, il-merkanzija u l-posta rreġistrat żieda pożittiva ta’ 3.6%.