Lokali

Mistenni jiġi ffirmat ‘Memorandum of Understanding’ ieħor mal-Gvern Ċiniż

Il-ġimgħa d-dieħla l-Gvern Malti mistenni jiffirma Memorandum of Understanding ieħor mal-Gvern Ċiniż, li se jissarraf f’aktar koperazzjoni, inizjattivi u investiment bejn iż-żewġ pajjiżi f’firxa ta’ oqsma li jolqtu kważi kull aspett tal-ekonomija. Dan se jkun mifrux fuq ħames snin. Ħabbar dan il-Prim Ministru Joseph Muscat waqt business breakfast organizzat mill-Malta Business Weekly.

Muscat qal li s-sħubija fl-Unjoni Ewropea kienet definittivament ta’ vantaġġ għal pajjiżna u llum-il ġurnata l-kontroversji dwar dan is-suġġett għaddew. Madankollu, issa pajjiżna jrid jifrex u jisfrutta swieq oħra, bħal dak Ċiniż u l-Golf Għarbi. Muscat qal li dan hu investiment ieħor ġej miċ-Ċina wara li kumpanija tal-Gvern Ċiniż ħadet f’idejha l-Enemalta.

Muscat ħabbar ukoll li f’Malta se jinġibed ukoll film Ċiniż, filwaqt li kkonferma li l-atturi magħrufa Angelina Jolie u Brad Pitt, li fil-ġimgħat li għaddew kienu f’Malta, se jkunu qed jieħdu sehem f’film li se jinġibed f’pajjiżna. Hu qal li dan se jsir fil-Bajja ta’ Mġarr ix-Xini f’Għawdex, li l-aċċess għaliha se jingħalaq biex jinġibed dan il-film.

Muscat tkellem ukoll dwar il-bejgħ taċ-Ċittadinanza ta’ pajjiżna u ddeskriva dan il-programm bħala wieħed avvanzat u li poġġa lil Malta fuq quddiem meta mqabbel ma’ pajjiżi oħrajn. Il-Gvern qed iħejji wkoll sett ta’ regoli biex jissorvelja s-suq, filwaqt li qed jitħejja pjan biex il-Gvern isaħħaħ l-investiment barrani u jinfiltra swieq oħra. Dan jista’ jsir billi tidħol fis-seħħ aktar sħubija bejn il-Gvern u l-Privat. Għalhekk, se tinħoloq pjattaforma biex flimkien mal-Privat tingħata pubbliċità lill-prodott Malti, inkluż bil-preżenza Maltija f’aktar fora barranin u jsir studju dwar kif il-prodott Malti, mill-ikel sal-manifattura, jista’ jsir aktar attraenti.

Il-Prim Ministru Muscat tkellem ukoll dwar iż-żieda li pajjiżna kellu fix-xiri mill-Maltin online. Hawn intervjena l-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Mario de Marco, li qal li filwaqt li dan hu sinjal tajjeb, wieħed ma jridx jinjora n-nuqqas qawwi fil-produzzjoni industrijali u l-esportazzjoni. de Marco wiegħed li l-Oppożizzjoni se tkun hemm u tgħin lill-Gvern biex iġib lejn pajjiżna aktar investiment.