Lokali

Ray Azzopardi maħtur ukoll il-Kap tal-Missjoni għan-NATO

L-eks preżentatur televiżiv tal-media Laburista u eks Uffiċjal tal-Partit Laburista issa sar il-Kap il-ġdid għall-Missjoni għan-NATO. Wara li kien diġà nħatar mill-Gvern Laburista bħala Ambaxxatur ta’ Malta għall-Belġju, Azzopardi issa se jkun qed jirrappreżenta lil Malta wkoll fin-NATO.

Stqarrija fis-sit elettroniku tal-Ambaxxata (ritratt isfel) ħabret li l-Ambaxxatur Azzopardi ppreżenta l-kredenzjali tiegħu bħala Kap tal-Missjoni Maltija għall-Alleanza tan-NATO lis-Segretarju Ġenerali tan-NATO Andres Fogh Rasmussen.

Malta hi wieħed mit-22 Stat li jaħdmu flimkien man-NATO fil-programm “Partnership for Peace”, li għandu l-iskop li jressaq flimkien lin-NATO u pajjiżi msieħba ħalli jiżguraw il-paċi u s-sigurtà fiż-żona Ewro-Atlantika. Dan il-programm ta’ paċi kien ikkritikat bil-qawwi mill-Gvern Laburista fl-1996, li anke kien irtira lil pajjiżna minnu.

Waqt il-laqgħa mas-Segretarju Ġenerali tan-NATO, l-Ambaxxatur Ray Azzopardi tkellem dwar l-importanza tad-djalogu fid-dawl tal-isfidi l-ġodda għas-sigurtà globali, fosthom dik tal-immgirazzjoni. Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Ġenerali tan-NATO faħħar l-impenn ta’ Malta fil-kriżi tal-Libja u rrimarka li n-NATO hi dejjem lesta tiddiskuti u tisma’ s-suġġerimenti u l-fehmiet ta’ Malta dwar is-sigurtà tan-Nofsinhar tal-Mediterran.

Ray Azzopardi u Andres Fogh Rasmussen Kredenzjali Kap tal-Missjoni NATO 2 180614