Lokali

Ray Zammit maħtur l-Aġent Kummissarju l-ġdid tal-Pulizija

Id-Deputat Kummissarju Ray Zammit inħatar bħala l-Aġent Kummissarju l-ġdid tal-Pulizija.

Dan kien ikkonfermat fi stqarrija tal-gvern li fiha tħabbar li fiż-żmien li ġej se jkun qed jiġi studjat u mwettaq proċess ta’ riorganizzazzjoni fuq livelli differenti fl-operat tal-Korp tal-Pulizija.

B’hekk kienet ikkonfermata l-aħbar li kien żvela dan l-istazzjon fil-jiem li għaddew.

Ray Zammit jiġi l-kuġin tal-Ministru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Manwel Mallia li taħtu jaqa l-korp.

Fl-aħħar jiem kienet għaddejja tellieqa bejn l-istess Zammit u Fl-ahhar jiem kienet għaddejja tellieqa bejn l-istess Ray Zammit u Mario Spiteri kien qed jiġi mbuttat minn Kastilja.

Madankollu, jidher li għaddiet ta’ Manwel Mallia hekk kif Ray Zammitt ħabbar uffiċjalment mill-Gvern bħala l-Kap il-ġdid tal-Korp tal-Pulizija.

Ray Zammit inħatar Deputat Kummissarju fil-31 ta’ Jannar li għadda u nħatar responsabbli mid-Distretti. Hu kien inħatar f’din il-kariga flimkien ma’ żewġ Deputati Kummissarji oħra mill-gvern laburista; l-ewwel darba li l-Korp tal-Pulizija kellu din il-kariga.

Din iċ-ċaqlieqa fl-ogħla kariga tal-Korp tal-Pulizija qed issir wara li, kif żvelajna, il-Gvern ma kienx sodisfatt bit-tmexxija tal-eks prokuratur legali tal-Partit Laburista Peter Paul Zammit wara d-diversi kontroversji li dahal fihom il-korp f’din is-sena u ftit li kien ilu imexxi l-korp tal-Pulizija.

Kemm fl-aħħar sigħat kif ukoll fil-jiem li ghaddew saru tahdidiet mill-Gvern sew ma’ Peter Paul Zammit kif ukoll Ray Zammit li ssejhu Kastilja.

Fl-aħħar sigħat kien hemm ukoll moviment fil-kwartieri ġenerali tal-pulizija b’mod partikolari fl-uffiċċju tal-aġent kummissrju ġdid fejn dehru uffiċjali għolja tal-korp u anke membri tal-familja ta Ray Zammit fosthom iż-żewġ uliedu subien li t-tnejn huma membri fil-korp.

Ray Zammit ingħaqad mal-Korp tal-Pulizija fil-21 ta’ Frar tal-1976 u serva fl-Iskwadra tal-Mobile u fid-Distretti. F’Settembru tas-sena 2000 hu kien promoss għal Supretendent u ġie trasferit lejn l-Akkademja tal-Pulizija bħala Deputat Kmandant għal tliet snin. Imbagħad, fl-2009, hu gie promoss għal Assistent Kummissarju.

Għall-aħħar għaxar xhur Ray Zammit kien jokkupa l-kariga ta’ Agent Direttur tal-Habs ta’ Kordin.

Intant tħabbar ukoll li l-eks-Kummissarju Peter Paul Zammit se jingħata rwol amministrattiv li jieħu ħsieb il-kordinazzjoni tas-sigurtà ta’ avvenimenti internazzjonali li se jseħħu f’pajjiżna fix-xhur u s-snin li ġejjin.

Intant il-Partit Nazzjonalista nnota li r-riżenja ta’ Peter Paul Zammit minn Kummisarju waslet wara l-pubblikazzjoni tal-ittra tal-OLAF u d-dikjarazzjoni ta’ Giovanni Kessler, li fiha sar magħruf li hu ma kkoperax mal-OLAF fl-investigazzjonijiet tiegħu bi ksur tal-liġi Ewropea.

Dan ifisser li l-Kummissarju Pietru Pawl Zammit għaraf jerfa’ r-responsabbilta’ tiegħu. Madankollu l-Partit Nazzjonalista qal ukoll li r-responsabilita’ politika trid tintrefa’ wkoll mill-Prim Ministru ghax kien hu stess li kien iddikjara, b’xhieda tiegħu stess fil-Kumitat tal-Privileġġi tal-Parlament, li kien hu li neħħa lil John Rizzo minn Kummissarju u kien hu li ħatar il-Kummissarju Pietru Pawl Zammit.

“S’issa, dwar min se jerfa’ din ir-responsabbilita’ politika għall-mod kif il-Gvern mexa mal-OLAF għadna ma smajna xejn,” tkompli l-istqarrija maħruġa mill-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Intern u s-Sigurta’ Nazzjonali Jason Azzopardi.

Il-Partit Nazzjonalista awgura lil Ray Zammit fil-ħatra ġdida tiegħu bħala Agent Kummissarju tal-Pulizija. Awguralu wkoll li ma jaqax għall-indħil politiku “li l-predecessur tiegħu waqa’ għalih.”

Fl-istess waqt il-Partit Nazzjonalista innota wkoll li fl-istqarrija tiegħu l-Gvern qed jammetti li falla fit-tmexxija tal-Korp tal-Pulizija fl-aħħar sena. “Gvern li qabel l-elezzjoni kien xeba’ jghid li kellu roadmap cara u li kien jaf x’għandu jagħmel kullimkien, biex issa wara 14-il xahar neħħa l-Kummissarju li kien ħatar u jammetti li fiż-żmien li ġej se jkun qed jiġi studjat u mwettaq proċess ta’ riorganizzazzjoni fuq livelli differenti fl-operat tal-Korp tal-Pulizija”, sostna Jason Azzoppardi. Kompla li dan “ifisser ħaga waħda biss: Gvern inkompetenti u prużuntuż b’konsegwenzi gravi fuq il-pajjiż u fuq il-kriminalita.”

Il-Partit Nazzjonalista awgura li “Ray Zammit jonora l-wegħdiet tal-Gvern, fosthom li jindirizza l-kriminalita’ li żdiedet, li jwettaq il-wegħda li l-Pulizija jkunu intaxxati b’rata differenti għall-extra duty, li l-Pulizija jitħalsu l-miljuni ta’ ewro f’arretrati ta’ overtime imwegħdin lilhom u li ma jippermettix l-għeluq tal-Għases fl-irħula ż-żgħar kif irid il-Ministru għall-Intern.”