Lokali

Aġġornata b’aktar dettalji u ritratti: Ħaddiem tal-kostruzzjoni jweġġa’ wara li waqa’ minn għoli f’San Ġiljan

Żagħżugħ li jaħdem fil-kostruzzjoni sofra feriti gravi iżda mhux fil-periklu li jitlef ħajtu wara li waqa’ minn għoli ta’ madwar żewġ sulari f’inċident li seħħ dalgħodu f’San Ġiljan. Minn informazzjoni li għandu MaltaRightNow.com jirriżulta li għall-ħabta tad-9.30am il-ħaddiem, li għandu 28 sena u hu minn Ħal Għaxaq, kien qed jagħmel xi xogħol fuq scaffolding f’sit ta’ kostruzzjoni fi Triq Santu Wistin meta għal xi raġuni waqa’.

Fil-post waslu mmedjatament membri mill-Korp tal-Pulizija u tim mediku mill-Isptar Mater Dei. Waslu wkoll membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, li għenu biex il-ħaddiem seta’ jittella’ mill-post. Iż-żagħżugħ ittieħed l-Isptar permezz ta’ Ambulanza, fejn qed jingħata aktar kura. Hu ġie ċċertifikat li qed isofri minn feriti gravi, iżda fortunatament mhux fil-periklu li jitlef ħajtu.

Il-Pulizija qed tinvestiga l-każ.