Lokali

Ritratti: Tlett ijiem wiċċha ‘l isfel fil-baħar

Karozza li tlett ijiem ilu nqalbet il-baħar fil-Menqa tal-Marsa, qrib ix-Shipbuilding, tħalliet hemm għal dawn l-aħħar jiem wiċċha ‘l isfel fil-baħar stess.

Residenti taż-żona li tkellmu ma’ dan l-istazzjon qalu li dakinhar li seħħ il-każ raw membri mill-Korp tal-Pulizija u mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Civili f’ħidma biex itellgħu l-vettura.

Madankollu, minn dakinhar, issa ilhom għal dawn l-aħħar jiem jirrappurtaw lill-Pulizija dwar din il-karozza, ħalli din tittella’ mill-ilma.

Iżda s’issa l-karozza għadha hemm, mitluqa fl-istat li kienet tlett ijiem ilu.

Sorsi fi ħdan il-Korp tal-Pulizija li tkellmu ma’ dan l-istazzjon ikkonfermaw li l-Pulizija hi nfurmata bil-każ. Madankollu, l-karozza għal xi raġuni baqgħet ma ttellgħetx.

Mhux magħruf x’wassal biex il-karozza tispiċċa wiċċha ‘l isfel fil-baħar u lanqas f’liema stadju waslu l-investigazzjonijiet. Jirriżulta biss li meta seħħ il-każ, il-karozza kienet vojta.

Iżda lanqas mhu car għaliex il-Pulizija ħalliet il-karozza fl-istat li ntelqet fih fil-jiem li għaddew u x’qed iwaqqaf lill-Pulizija milli jtellgħu l-karozza.

Is-sorsi li tkellmu magħna qalu li l-fatt li l-karozza tħalliet f’dan l-istat jista’ jkun ta’ ħsara għall-investigazzjonijiet stess minħabba li l-ilma baħar jista’ jtellef mill-provi meħtieġa.