Sensar ta’ 68 sena , residenti Bormla ġie kundannat sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin wara li ammetta li seraq €980 mill-“pitch” tal-waterpolo tas-Sliema u dan peress li kellu jagħti xi flus lil tat-taxxa.
Joseph Paul Pisani magħruf bħala l-“Whisky” li ma riedx avukat jiddeffendih għax qal li kif għamel waqt li stqarrija kien se jammetti kollox fil-Qorti ammetta li fil-11 ta’ April li għadda għall-ħabta tal-5.00 p.m. daħal fil-kamra ta’ fejn ibiddlu l-għawwiema u minn hemm seraq il-flus propjeta’ ta’ Michael Rolf Joachim, Ġermaniż li jgħix Malta.
Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Jason Francis Sultana qalet li Pisani inqabad permezz ta’ filmati meħuda mis-CCTV.
Il-Maġistrat Carol Peralta li quddiemu nstema’ l-każ qal lil Pisani li din ma kienitx l-ewwel darba li huwa kkommetta reat simili. “Għamilt l-istess fl-1984 u fl-1996, jiġifieri f’perjodu ta’ 30 sena rrepetejt l-istess atti u għalhekk ikun ta’ siwi għalik li jkollok mannara lesta għalik f’każ li terġa’ tirrepeti r-reat.Oqgħod attent issa għax jekk terġa’ tagħmel xi ħaġa tispiċċa l-ħabs ta’ eta’ ta’ 70 sena. Hawn lest li ssib l-għajnuna kollha imma toħloqx inkwiet fuq ħaddieħor billi tisraq.”
//= $special ?>
