Qorti

Sirjan mixli li hedded Sirjan ieħor billi qallu li se “jqattgħu biċċa biċċa”

Sirjan ta’ 37 sena li jaħdem Malta bħala kaħħal u bajjad ġie mixli quddiem il-Maġistrat Carol Peralta li hedded Sirjan ieħor. Qallu li kien se jqattgħu “biċċa biċċa”. L-Ispettur Elton Taliana li ressaq lil Mohammed Dag li joqgħod Pembroke qal ukoll li l-akkużat mhux persuna affidabbli.

Dag ġie mixli li hedded bil-mewt lil Ahmed Illewi u li inġurja u għamel offiża fuq Surġent u Kuntistabbli tal-Pulizija, li ma obdiex l-ordnijiet leġittimi tal-Pulizija, li ma ħallihomx jaqdu dmirhom, li kiser il-paċi pubblika b’għajjat u ġlied u li sar reċidiv għal diversi drabi.

“Il-pajjiż laqgħek b’idu miftuħin u anke qed taħdem hawn u int tkun ingrat. Din mhijiex l-ewwel draba li ksirt dufrejk mal-Pulizija, għamilta diversi drabi u saħasitra darba kont anke attakkajt tabib. Mhux sew li tagħmel dawn l-affarijiet,” qallu l-Maġistrat Peralta.
L-Avukat John Gauci li deher għal Dag qal li fuq dan il-każ il-klijent tiegħu mar jagħmel rapport l-Għassa tal-Pulizija ta’ San Ġiljan li raġel Sirjan kien qed jittantalu l-mara.

Hemmhekk imma l-Pulizija ma tawx każ tiegħu u kien qed jiċħad li hu ħebb jew sawwat xi Pulizija. L-Avukat Gauci qal ukoll li kien qed jitlob għal liberta’ proviżorja.

L-Ispettur Taliana oppona din it-talba fejn qal li kif qed tifhem il-Qorti Dag mhuwiex affidabbli u li l-fatt li mhuwiex Malti hem mil-periklu li jaħrab. L-Avukat Gauci qal li l-klijent tiegħu ilu Malta mill-1999 u li huwa miżżewwweġ mara Maltija u għandu żewġt ulied u martu tinsab tqila u għalhekk dalwaqt ikun missier ta’ tliet itfal.

L-Avukat Gauci qal li Dag għandu x-xogħol tiegħu f’Malta u meta kellu każijiet oħra l-Qorti dejjem attenda. Il-Qorti qalet li kienet se tagħti l-liberta’ proviżorja lill-akkużat u dan minħabba l-mara tiegħu peress li hi tiddependi minnu u ma jixtioeqx li joħloq tbaqtija bla bżonn. L-akkużat ingħata l-liberta’ proviżorja fuq depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €2,000 u li ma jistax joħroġ bejn id-9.00 p.m. u s-6.00 a.m.