Il-bini tal-Istitut tal-MCAST f’Tarġa Gap f’dawn il-jiem qed jilqa’ fih spettaklu ta’ arti, fosthom arti 3D, grafika, ritratti u media interattiva, ippreparati minn studenti tal-Istitut tal-Arti u d-Disinn fil-Kulleġġ Malti għall-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija.
Dan hekk kif l-Erbgha filgħaxija ġiet inawgurata wirja li għal dawn l-aħħar snin ittellgħet ta’ kull sena fi tmiem is-sena akkademika tal-istudenti ta’ dan l-Istitut.
Fil-fatt, l-edizzjoni ta’ din is-sena hi t-13-il waħda li qed tittella’ f’dan il-perjodu tas-sena u tkun miftuħa għall-pubbliku.
Il-wirja tinkludi ‘l fuq minn 400 esibit minn korsijiet differenti tal-Istitut. It-tema tal-wirja għal din is-sena hi “Paper to Screen and Everything in Between” u kif tindika t-tema l-esibizzjoni turi l-proċess kreattiv biex proġett jgħaddi mill-ħsieb għal fuq l-iscreens tagħna.
Bil-wirja, l-istudenti qed jispjegaw li kull ħaġa kreattiva li niltaqgħu magħha, fl-aħħar mill-aħħar tispiċċa fuq l-iscreen, mit-twelid tal-ħsieb, għar-riċerka, għad-disinn u finalment sat-tlestija u l-irfinar.
U dan hu dak li l-Istitut tal-Arti u d-Disinn tal-MCAST joffri lill-istudenti li jattendu l-korsijiet tiegħu, bl-għarfien u l-għodda meħtieġa biex isibu l-karriera li tgħodd għalihom. F’diskors waqt l-inawgurazzjoni tal-wirja, il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca qalet li l-iżvilupp ekonomiku u kulturali ta’ pajjiżna jiddependi ħafna mill-kapaċitajiet kreattivi taż-żgħażagħ. Għaldaqstant appellat għal aktar investiment fl-iżvilupp kreattiv, filwaqt li laqgħet b’sodisfazzjon iż-żieda fin-numru ta’ studenti li qed jattendu dan l-Istitut tal-MCAST.
Min-naħa tiegħu, id-Direttur tal-Istitut tal-Arti u d-Disinn Stephen Vella qal li din il-wirja setgħet tkun possibbli bl-impenn konġunt bejn l-istudenti u l-istaff. Qal li minħabba li ma jiġu ppjanati l-ebda flejjes għal wirja bħal din, hu biss l-impenn tal-istudenti u l-istaff tal-Istitut li jaraw minn fejn se jġibu l-materjal meħtieġ biex din il-wirja tkun tista’ tittella’.
Il-wirja tkun miftuħa għall-pubbliku sa nhar it-Tlieta li ġej bejn id-9 ta’ filgħodu u s-sitta ta’ filgħaxija. Is-Sibt u l-Ħadd, il-wirja tkun miftuħa bejn is-2 ta’ waranofsinhar u t-8 ta’ filgħaxija.
//= $special ?>