Il-Ministru għall-Intern u Sigurta’ Nazzjonali Manuel Mallia ordna investigazzjoni hekk kif il-maġistrat Micallef Trigona talab biex jittieħdu passi ta’ dixxiplina kontra żewġ uffiċjali tal-Pulizija li arrestaw u mmaltrattaw żewġ tfajliet Cileni wara li l-bandiera li kienu qed iġorru għaddiet bi żbrixx minn ma wiċċ żewġ uffiċjali tal-Pulizija.
Wara li l-uffiċjal tal-pulizija ħadilhom il-bandiera u għaddieha lil uffiċjali ieħor, Tehrani, waħda mit-tfajliet messet il-beritta tal-pulizija li ħadilhom il-bandiera u għajritu. Il-bandiera kienet qed tinġarr fl-okkażjoni tal-logħob tat-Tazza tad-Dinja li bħalissa qed isir fil-Brazil.
Il-Qorti nnutat ċerta inkonsistenza fix-xhieda tal-Pulizija fil-kawża kif ukoll semgħet ix-xhieda tan-nisa Ċileni għal mod kif ġew trattati mill-Pulizija meta ġew arrestati. Mina Behzadi Tehrani u Andea Yazmin Carvajal Maturana, ġew mixlijin li kkaġunaw feriti fuq persuni u rreżistew lill-Pulizija bi vjolenza f’San Ġiljan.
Il-Qorti, qalet li filwaqt li ma tiġġustifikax il-kliem li qalet waħda miċ-Ċileni, u lanqas il-fatt li messitlu l-beritta, hija mhix sodisfatta li l-akkużi kontrihom ġew pruvati u għalhekk illiberathom. Mina Behzadi Tehrani u Andea Yazmin Carvajal Maturana ġew mixlijin li ħebbew għall-Pulizija, irreżistew l-arrest bi vjolenza, kisru l-paċi pubblika u li ma obdewx l-ordnijiet leġittimi tal-Pulizija.
Mill-provi fil-Qorti rriżulta li n-nisa kienu maltrattati u ġew arrestati. Wara ttieħdu fil-kwartieri ġenerali tal-Pulizija u saret “strip-search” fuqhom u l-għada tressqu l-Qorti. Fis-sentenza tiegħu l-Maġistrat Micallef Trigona numru ta’ inkonsistenzi minn naħa tas-Surġent Maġġur Rotin u s-Surġenta Chantelle Costa. Huwa nnota wkoll il-fatt li n-nisa għamlu stqarrija lill-Ispettur tal-Pulizija Trevor Micallef, li l-Qorti ddeskriviet bħala eżemplari fit-trattament tiegħu fil-konfront taċ-Ċileni.
Il-Maġistrat Micallef Trigona ordna li s-sentenza, flimkien max-xhieda ta’ dawk kollha nvoluti tgħaddi għand il-Ministru tal-Intern u lill-Kummissarju tal-Pulizija, “għal kull azzjoni dixxiplinarja li tista jew għandha tittieħed kontra l-Pulizija nvoluti.” It-tfajliet kienu lliberati minn kull akkuża.
Fil-kummenti tiegħu l-Maġistrat qal li l-Pulizija nvoluti m’għandhomx jitħallew jilbsu uniformi tal-Pulizija peress li dawn iġibu diżunur għall-Korp. L-Avukati Giannella de Marco u Gianluca Caruana Curran deheru għan-nisa Ċileni.
//= $special ?>

