Imħallef fl-Istat ta’ Georgia rrifjuta li jagħti l-libertà proviżorja lil raġel akkużat bil-qtil tat-tarbija tiegħu li kien ħallieha ġo karozza taħraq.
Dan ifisser li r-raġel, Justin Ross Harris, se jinżamm il-ħabs u ’l quddiem se jkun ipproċessat bil-qorti għal dan ir-reat.
Intant, id-ditektivs li tkellmu waqt is-smigħ issuġġerew li l-imputat kellu l-intenzjoni li joqtol lil ibnu, Cooper, ta’ 22 xahar, u s-sinjali juru li t-traġedja ma kinitx dovuta għal sempliċi negliġenza. Fil-fatt, il-pulizija sostniet li Harris, qabel, kien qed janalizza l-websajts fuq l-internet li jiċċirkolaw messaġġi speċifiċi kontra t-trobbija tat-tfal.
Min-naħa tiegħu, Harris qal li hu kien nesa li ħalla lil ibnu fil-karozza, f’ħin meta t-temperaturi ta’ barra kienu ogħla minn 88 grad Celsius. L-imputat irrakkonta li fil-jum fatali hu kellu jwassal lil ibnu lejn nursery iżda, minflok, saq lejn ix-xogħol mingħajr ma rrealizza li kellu lit-tarbija marbuta (bi strap) fis-seat ta’ wara, u bir-riżultat li ċ-ċkejken Cooper miet bl-effetti tal-hyperthermia.
L-indikazzjonijiet li Justin Ross Harris kien fittex fuq l-internet għal informazzoni dwar x’tip ta’ temperatura għandha tikkaġuna l-mewta ta’ tarbija li titħalla ġo vettura qed ikomplu jżidu l-aspett makabru tal-każ.
//= $special ?>

