Qorti

Brittaniku mmultat €3,000 u liċenzja sospiża wara mportazzjoni llegali ta’ karozza

David Christopher Street, Brittaniku ta’ 52 sena, ġie mmultat €3,000 u liċenzja tas-sewqan sospiża għal 12-il xahar mill-Maġistrat Josette Demicoli fuq importazzjoni ta’ karozza b’mod illegali.

Fit-18 ta’ Ġunju li għadda meta kienu qegħdin jagħmlu r-ronda fil-parkeġġ tal-ajruport internazzjonali ta’ Malta, l-Pulizija nnutaw karozza li deheret suspettuża. Mill-investigazzjonijiet li saru rriżulta li n-numri ta’ reġistrazzjoni li kienu lokali huma ta’ karozza oħra u ta’ marka differenti. Il-Pulizija arrestat lil Street meta dan kien ġie identifikat bħala sit il-karozza tal-marka Peugeot 406.

Wara sar magħruf li Street ma kellux id-dokumenti legali biex jimporta l-karozza f’Malta u li din ma kellhiex polza tas-sigurta’. Assistit mill-Avukat Stefano Filletti, l-Ingliż ammetta l-akkużi kollha miġjubin kontih u kien immultat €3,000 u liċenzja sospiża. Il-Qorti ordnat ukoll li l-karozza tiġi konfiskata. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Silvio Magro.