Lokali

Editorjal: Il-fatti mill-ittra ta’ Giovanni Kessler

Id-Direttur Ġenerali tal-Uffiċċju tal-Unjoni Ewropea Kontra l-Frodi (OLAF), Giovanni Kessler, kiteb ittra lill-Ispeaker tal-Parlament Malti b’tagħrif li qanqal ħafna stqarrijiet, imma li ta’ min jidħol fiha sew għax fiha ħafna fatti dwar kwistjoni gravi.

Allegazzjoni ta’ talba għal tixħim ta’ 60 miljun ewro

Il-kwistjoni hi dwar il-mod kif il-Kummissarju tal-Pulizija Peter Paul Zammit waqqa’ l-każ kontra l-eks-Kummissarju Ewropew John Dalli; każ marbut ma’ allegazzjoni ta’ talba għal tixħim ta’ 60 miljun ewro biex jinbidlu r-regolamenti Ewropej tat-tabakk.

“Kien hemm indħil politiku biex twaqqa’ l-każ”

Il-mod kif il-każ twaqqa’ kien wassal lill-Kap tal-Oppożizzjoni, Simon Busuttil, biex jgħid li kien hemm indħil politiku u l-Prim Ministru Joseph Muscat ordna proċess kontrih f’kumitat tal-Parlament fejn l-‘imħallfin’ huma deputati Laburisti stess.

John Rizzo kien se jressaq il-każ il-Qorti

Aktar milli ta’ min hu l-każ, l-aktar ħaġa importanti hi li fl-ittra ta’ Giovanni Kessler issa kompla ħareġ aktar ċar, bid-dati u bid-dettalji fattwali, li l-Kummissarju tal-Pulizija ta’ qabel li tneħħa minn Joseph Muscat, John Rizzo, kien se jressaq il-każ il-Qorti kif John Rizzo stess ikkonferma lill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi.

John Rizzo, Michael Cassar u Angelo Gafà ltaqgħu mal-OLAF…
Il-Kummissarju tal-Pulizija ta’ qabel, John Rizzo, flimkien mal-investigaturi tal-każ, l-Assistent Kummissarju Michael Cassar u l-Ispettur Angelo Gafà, telgħu Brussell f’Novembru 2012 u ltaqgħu mal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi, tgħid l-ittra.

…imma kollha tneħħew hekk kif Joseph Muscat sar Prim Ministru

Il-fatti juru wkoll li, kif sar Prim Ministru Joseph Muscat mill-ewwel neħħa lill-Kummissarju tal-Pulizija John Rizzo u lill-investigaturi tal-każ, Michael Cassar u Angelo Gafà. Sadattant, min kien se jitressaq il-Qorti ġie lura Malta u għalhekk seta’ jitressaq, imma l-Kummissarju tal-Pulizija l-ġdid Peter Paul Zammit waqqa’ l-każ.

Peter Paul Zammit ma wieġeb xejn għal tliet talbiet tal-OLAF

L-ittra ta’ Giovanni Kessler tiżvela wkoll li l-Kummissarju tal-Pulizija Peter Paul Zammit ma kkoperax mal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi u ma wieġeb xejn għal tliet talbiet separati li għamillu l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi dwar investigazzjoni ġdida.

Min hu Giovanni Kessler
L-ittra ta’ Giovanni Kessler fiha l-fatti u d-dati bla kummenti. Ġejja minn Giovanni Kessler li, apparti li jmexxi l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi, hu wkoll il-President tan-Network Ewropea Kontra l-Korruzzjoni u membru fl-Eżekuttiv tal-Għaqda Dinjija tal-Awtoritajiet Kontra l-Korruzzjoni.

Il-fatti skjetti li jwasslu għal konklużjoni loġika
L-ittra tiegħu fiha l-fatti skjetti li lil min irid jirraġuna, lil min ma jrid jaħbi xejn u lil ħadd twasslu għal konklużjoni loġika li l-Prim Ministru Muscat qed jipprova jiġġieled b’kull mod: li kien hemm indħil politiku biex każ daqstant kbir twaqqa’.