Ambjent Lokali

Aġġornata: Ikkonfermati l-firem miġbura mill-Koalizzjoni Kontra l-Kaċċa fir-Rebbiegħa

Il-Koalizzjoni Kontra l-Kaċċa fir-Rebbiegħa ħabbret li tlesta l-ewwel pass mill-Kummissjoni Elettorali, li kellha tevalwa l-firem kollha li nġabru mill-petizzjoni li kienet ippreżentat il-Koalizzjoni ħalli l-Kaċċa fir-Rebbiegħa tispiċċa.

Jidher li ntlaħaq il-persentaġġ ta’ firem meħtieġ, jiġifieri 10% tal-elettorat, biex ikun jista’ jsir referendum f’April jew f’Lulju, skont kemm il-proċess legali jieħu fit-tul. Issa l-Qorti Kostituzzjonali għandha jumejn biex tħabbar uffiċjalment li l-firem ġew ivverifikati biex tagħti tliet xhur ċans għal xi oġġezzjonijiet li jistgħu jitressqu. Madankollu, l-oġġezzjonijiet li jistgħu jitressqu jridu jkunu marbuta mal-validità tal-firem u l-legalità tal-vot.

Wara li jitressqu l-oġġezzjonijiet, ikun hemm xahar ċans biex tingħata tweġiba għall-oġġezzjonijiet u wara li jgħaddi xahar ieħor toħroġ id-deċiżjoni jekk isirx referendum jew le u fi żmien ghaxart ijiem il-President ta’ Malta għandha tiġi nfurmata. Min-naħa tagħha, imbagħad, Marie Louise Coleiro Preca għandha tħabbar data meta jittieħed il-vot.

Sadanittant, f’reazzjoni l-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) qalet li se tkun qed tressaq l-oġġezzjonijiet taghha. Madankollu, fi stqarrija, l-FKNK ma elaboratx dawn x’se jkunu l-oġġezzjonijiet.