Lokali

Importanti li pajjiżna jkompli jfittex mezzi kif ikabbar is-settur tat-turiżmu ħalli nkomplu nibnu fuq il-politika tal-aħħar snin – Edward Zammit Lewis

L-industrija tat-turiżmu tikkontribwixxi kważi 30% tal-Prodott Domestiku Gross ta’ pajjiżna u għalhekk hu importanti li pajjiżna dejjem ifittex mezzi ta’ kif ikabbar dan is-settur billi nkomplu nibnu fuq il-politika li fl-aħħar snin ħalliet riżultati eċċellenti f’dan il-qasam li dejjem qed jinbidel. Sostna dan waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret il-Barrakka ta’ Fuq, il-Ministru tat-Turizmu Edward Zammit Lewis. Matul il-konferenza tal-aħbarijiet, nieda Pjan għat-Turiżmu sal-2020.

Zammit Lewis ħabbar li l-Gvern waqqaf Kumitat Konsultattiv biex jagħmel reviżjoni tal-politika għat-turiżmu, li saret għas-snin 2012-2016 u joħroġ bi strateġija għat-turiżmu li mhux bilfors tinkludi policies partikolari. Dan il-proċess ta’ konsultazzjoni għandu jitlesta sa Jannar u f’Marzu 2015 għandu jibda jiġi implimentat il-Pjan għat-Turiżmu.

Il-Ministru Zammit Lewis ħabbar ukoll li l-ħsieb hu li l-Pjan għat-Turiżmu jinvolvi lill-MTA u l-Air Malta, lill-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS) u anke lill-Valletta Cruise Port, filwaqt li jkompli jagħti spinta lill-media diġitali fil-qasam tat-turiżmu u jkompli jippromwovi l-eko-turiżmu. Fl-aħħar xhur, l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandi u r-Ristoranti (MHRA), appellat diversi drabi għal pjan strateġiku ġdid għat-turiżmu f’pajjiżna bil-President tal-MHRA Paul Bugeja jgħid li l-Gvern għandu jiffaċilita l-iżvilupp sostenibbli u t-tkabbir tal-industrija, li hi parti minn suq dinamiku u li biex nibqgħu kompetittivi fih irridu nibqgħu flessibli u innovattivi.

Meta waqt l-istess attività kien qed iwieġeb il-mistoqsijiet, Edward Zammit Lewis ikkonferma li Gavin Gulia kien konfermat fit-tmexxija tal-MTA u Josef Formosa Gauci se jibqa’ wkoll CEO tal-MTA.