Bosta swieq finanzjarji madwar id-dinja komplew jaraw żieda fl-aħħar jiem. Kien hemm ċerti indiċi li laħqu livelli rekord. Minkejja dawn ir-riżultati pożittivi, bosta analisti jħossu li l-inċertezza fis-swieq għadha hemm. Is-swieq qed jaraw anqas volum, issa li beda s-Sajf. Dan hu fenomenu normali li jiġri kull sena.
L-impjiegi fl-Istati Uniti qed ikomplu jinħolqu b’rata aktar minn kemm mistenni. Dan qed inissel fiduċja fis-swieq, iżda żviluppi fix-xena internazzjonali u riżultati mhux daqstant pożittivi mill-Ewropa u l-Asja qed ixekklu dan il-progress.
L-ishma tal-Bank Erste naqsu bi 12% fil-valur tagħhom fl-aħħar jiem, hekk kif tħabbar li l-Bank se jsofri telf matul din is-sena. Riżultati negattivi mill-Ungerija u r-Rumanija waslu għal dan. Il-kumpanija tal-ajru EasyJet rat żieda ta’ 3%, hekk kif tħabbar li f’Ġunju ġarret 10% aktar passiġġieri mis-sena li għaddiet.
L-ordnijiet għal fabbriki Ġermaniżi naqsu aktar minn kemm mistenni, filwaqt li anke l-kunfidenza tal-konsumatur Ġermaniż kompliet tinżel. Minkejja dan, bosta analisti finanzjarji qed isostnu li l-akbar problemi huma dawk fi Franza u l-Italja, fejn id-djun qed jogħlew u mhux qed jinħoloq xogħol kemm mixtieq. Statistika ppubblikata din il-ġimgħa tindika li l-bejgħ fit-18-il pajjiż li jiffurmaw iż-Żona Ewro ma kienx kemm mistenni. Wara tnaqqis f’April, issa rajna li f’Mejju bqajna fl-istess ilma. Bosta analisti qed jgħidu li hemm bżonn aktar stimolu biex il-bejgħ bl-imnut jerġa’ jieħu spinta ‘l quddiem.
Is-suq prinċipali Amerikan, magħruf bħala Dow Jones, laħaq 17,000 bħala indiċi. Dan hu l-ogħla livell li qatt ra dan l-indiċi. Fl-aħħar 227 ġurnata, dan l-indiċi żdied b’1,000 punt, bil-kumpaniji Caterpillar u Walt Disney jaraw żieda ta’ 20% fil-valur tal-ishma tagħhom.
Sal-aħħar ta’ Lulju trid tinstab soluzzjoni dwar x’se jiġri mid-dejn tal-Arġentina. Bonds li kienu ma tħallsux lura bil-prezz nominali tagħhom spiċċaw fi kwistjoni legali fl-Istati Uniti. Il-Qorti Amerikana ddeċidiet li dawn il-bonds għandhom jitħallsu kollha. L-Arġentina m’għandiex biżżejjed flus biex tħallas għal dawn il-bonds u għal bonds oħra li ħarġet fl-aħħar snin. Diskussjonijiet bejn il-Gvern Arġentin u kumpaniji li jirrappreżentaw il-bondholders jistgħu iwasslu għal soluzzjoni.
Dan l-artiklu hu miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd | www.mpmci.net | tel 21493250
L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma pprovduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment.
//= $special ?>