Edukazzjoni Lokali

Jidħlu fis-seħħ l-azzjonijiet industrijali tal-MUT u l-UMASA fl-Università u l-Junior College

Università ta' Malta

L-Union tal-Għalliema, l-MUT, u l-Union tal-Lekċerers, l-UMASA, ordnaw numru ta’ direttivi lill-lekċerers u lill-għalliema tal-Università u l-Junior College wara li baqa’ ma ntalaħqx qbil dwar il-pakkett finanzjarju tal-ftehim kollettiv il-ġdid.

F’kummenti ma dan is-sit ftit wara li ġew ordnati dawn id-direttivi, l-President tal-MUT Kevin Bonello ddeskriva l-proposti tal-Gvern bħala ‘ċajta’, u qal li ż-żewġ Unions ma kienx baqalhom toroq oħra ħlief li joħorġu d-direttivi lill-membri tagħhom.

Fost id-direttivi hemm dik biex il-lekċerers ma jippubblikawx ir-riżultati tal-eżamijiet ħlief għal dawk l-istudenti li jinsabu fl-aħħar sena tal-kors tagħhom.

Kevin Bonello qal li l-proposta tal-Gvern hija ferm ‘il bogħod minn dak li kienu qed jistennew il-lekċerers u l-għalliema, u “lanqas biss tirrifletti dak li seħħ f’entitajiet pubbliċi oħra”.

Kemm l-UMASA kif ukoll l-MUT kienu diġà wissew li jekk ma jirċevux proposta dwar il-pakkett finanzjarju sal-bieraħ filgħodu, kienu se jordnaw numru ta’ direttivi.

Direttiva oħra hija dik biex l-għalliema u l-lekċerers ma jattendux għal-laqgħat uffiċjali. Dawn id-direttivi qajmu reazzjoni mhux ftit mill-istudenti li fuq is-social media lmentaw li huma dejjem jispiċċaw fin-nofs bejn l-akkademiċi u l-Gvern.

Issa, kif anke spjegalna Kevin Bonello, l-UMASA u l-MUT qed jistennew lill-Gvern biex jibgħat reviżjoni tal-proposta finanzjarja sa nhar l-Erbgħa li ġej.