Il-preżentatur John Bundy ressaq risposta għal-libell li għamillu ċ-Chief of Staff tal-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Manwel Mallia, li fiha qal li t-talba ta’ Silvio Scerri ma tistax tintlaqa’ peress li din kienet konverżazzjoni privata bejn żewġ persuni.
Silvio Scerri beda proċeduri fil-Qorti tal-Maġistrati wara li kien fetaħ kawża ta’ libel għad-danni kontra Bundy, fejn qed isostni li fi storja li dehret fuq il-ġurnal The Times of Malta għamel allegazzjonijiet u asserzjonijiet foloz u malafamanti fil-konfront tiegħu.
Fir-risposta tiegħu, Bundy qal li t-talba ta’ Scerri m’għandhiex tintlaqa’ għax dak li ntqal qatt ma kien diskors pubbliku iżda kienet biss konverżazzjoni privata bejn żewġ persuni. Għalhekk, qatt ma kien hemm l-intenzjoni li dak li jiġi diskuss privatament jiġi ppubblikat, iżda l-kontenut tad-diskussjoni privata nġiebet għall-pubbliku minn terza persuna, li hu Norman Vella.
Fir-risposta għal-libell, Bundy qal ukoll li Scerri naqas milli jieħu passi kontra The Times of Malta jew l-Editur tal-ġurnal, minkejja li qed jgħid li l-istess artiklu fih allegazzjonijiet foloz u minkejja li fil-kawża ta’ libell qal li l-istess artiklu fih allegazzjonijiet foloz li joffendu l-unur u l-fama tiegħu.
Qal ukoll li lanqas gie mħarrek Norman Vella, li kien hu li ġab il-kontenut tal-konverżazzjoni privata li kellu ma’ Bundy għall-attenzjoni pubblika. Bundy sostna li hu ma qal xejn li kien malafamanti. Finalment qal li minħabba dawn ir-raġunijiet kollha, l-azzjoni ta’ libell ma tistax tirnexxi.
//= $special ?>
