Qorti

L-akkużati bil-qtil ta’ Mario Camilleri u ibnu jingħataw libertà proviżorja limitata

Jason Galea ta’ 40 sena minn Birżebbuġa u George Galea ta’ 42 sena minn San Ġiljan, li huma akkużati bil-qtil ta’ Mario Camilleri, magħruf bħala l-Imnieħru, u ibnu Mario Jr, ġew mogħtija l-libertà proviżorja b’mod limitat mill-Qorti tal-Maġistrati. Minbarra li jridu jagħmlu depożitu ta’ €30,000 u l-istess ammont bħala garanzija personali, il-Qorti qalet li ż-żewġ akkużati jistgħu joħorġu bejn id-9am u l-10am u bejn is-6pm u s-7pm, kif ukoll li jiffirmaw fl-Għassa tal-Pulizija tal-lokalità tagħhom.

Minkejja li Jason Galea ngħata l-libertà proviżorja, għalissa hu xorta se jibqa’ miżmum il-ħabs peress li hu akkużat ukoll bil-qtil tal-eks xufier tat-taxi Matthew Zahra. Hawn ukoll, hu qed jistenna deċiżjoni mill-Qorti għat-talba tal-libertà proviżorja li kien għamel fuq il-każ ukoll flimkien mal-akkużat l-ieħor Ronald Urry. L-omiċidji ta’ Mario Camilleri u ibnu kienu seħħew fis-17 ta’ Lulju 2013.

Mario u ibnu kienu nstabu mejtin f’għalqa fil-Qajjenza, limiti ta’ Birżebbuġa. Mario Sr, ta’ 52 sena, kien inqatel Marsaxlokk, filwaqt li ibnu Mario Jr, ta’ 21 sena, kien inqatel ftit qabel fi sparatura u 34 daqqa ta’ arma fil-Qajjenza. Huma kienu nstabu f’għalqa fl-istess post.

L-Ispettur Fabian Fleri, wieħed mill-investigaturi fil-każ, qal li kien għad baqa’ 28 Espert tal-Qorti u Uffiċjal tal-Pulizija biex jixhdu fuq il-każ u għalhekk kien għadu prematur biex l-akkużati jingħataw il-libertà proviżorja. Min-naħa tiegħu, il-Maġistrat Antonio Micallef Trigona qal li hu kien qed iqis il-fatt li l-każ ilu li beda sena ilu u diġà saru numru ta’ kawżi, filwaqt li nstemgħu numru konsiderevoli ta’ xhieda.

Il-Maġistrat Micallef Trigona ordna lill-Prosekuzzjoni biex ittella’ kemm jista’ jkun xhieda fis-seduta li jmiss. Il-kumpilazzjoni fil-konfront tagħhom se tkompli tinstema fil-5 ta’ Awwissu li ġej. Għal George Galea qed tidher l-Avukat Giannella de Marco, filwaqt li għal Jason Galea qed jidher l-Avukat Joe Gilgio. L-Avukat Joe Brincat qed jidher bħala parte civile.