Kultura Lokali

L-‘August Moon Ball’ ta’ din is-sena għat-2 ta’ Awwissu

Għal sena oħra, il-Presidenza se tkun qed torganizza l-Ballu tal-Qamar ta’ Awissu, jew kif inhu magħruf l-August Moon Ball. Dettalji dwar l-edizzjoni ta’ din is-sena tħabbru mill-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca fil-Palazz tal-Verdala, fejn se jkun qed isir il-Ballu. Din is-sena, l-August Moon Ball se jsir fit-2 ta’ Awissu, bil-biljetti jistgħu jiġu bbukkjati minn fuq is-sit www.augustmoonball.com.

Għal darb’oħra, dan mistenni jkun avveniment komplut bl-aqwa ikel, xorb u atmosfera fil-Palazz tal-Verdala, li jġorr warajh mijiet ta’ snin ta’ storja u patrimonju. Iċ-Chairperson tal-Ballu l-Markiż Daniel de Petri Testaferrata spjega li dan il-Ballu jsir b’risq il-Malta Community Chest Fund u l-prezz ta’ €70 jinkludi l-ikel, li t-tender għalih intrebaħ minn Island Caterers, u inbid matul is-serata kollha, li se jkun provdut grazzi għal Marsovin.

Min-naħa tagħha, il-President Coleiro Preca tat dettalji ta’ elementi ġodda fil-Ballu ta’ din is-sena, fosthom numru ta’ re-enacments tal-epoka tal-Kavallieri ta’ San Ġwann, kif ukoll il-karozzini li se jkunu qed iwasslu lil dawk li se jattendu mill-post fejn jipparkjaw il-vetturi tagħhom sal-Palazz, fejn jsibu tilqagħhom linja ta’ suldati mlibbsin għall-okkażjoni. Il-President ta’ Malta żiedet tgħid li d-domanda għall-għajnuna mill-Malta Community Chest Fund kompliet tikber, tant li qed ikun hemm medja ta’ 60 talba fil-ġimgħa.

Dan wassal biex il-Community Chest Fund se tkun qed iżżid l-attivitajiet li torganizza, fosthom attività ġdida li se tittella’ fil-jiem li ġejjin bl-isem ta’ “Il-Festa”, li se ssir fil-Ġonna ta’ San Anton.