Minkejja li ilu erba’ xhur li twaqqaf ir-Responsible Gaming Fund u għaddew xahrejn mill-ħatra tad-Deputat Laburista Silvio Schembri bħala Chairperson tiegħu, għad ma kien hemm l-ebda infieq mill-madwar €150,000 li għandu llum il-Fond fuq miżuri konkreti f’dan il-qasam.
Dan ħareġ minn konferenza tal-aħbarijiet li matulha, il-kumpanija Maltco Lotteries ippreżentat ċekk ta’ €50,000 lis-Segretarju Parlamentari għall-Ekonomija, l-Investiment u l-Intrapriżi ż-Żgħar José Herrera u lid-Deputat Laburista Silvio Schembri, li apparti lista sħiħa ta’ karigi oħrajn li għandu, hemm dik ta’ Chairperson ta’ dan il-Fond.
Skont is-Segretarju Parlamentari Herrera, dan il-Fond, li kien ġie mniedi fi Frar, ġie rreġistrat madwar erba’ ġimgħat ilu u beda jiffunzjona ftit jiem ilu. Min-naħa tiegħu, Silvio Schembri qal li fl-aħħar ġimgħat saru numru ta’ laqgħat mal-industrija, iżda s’issa ma ntefqu l-ebda flejjes mill-Fond ħlief €4,000 li ġew awtorizzati biex il-kumpanija Grant Thornton toħloq business plan għall-Fond għall-erba’ snin li ġejjin.
F’Jannar li għadda, il-kumpanija Maltco kienet qajmet numru ta’ mistoqsijiet dwar x’kien sar minnhom madwar €100,000 oħra li kienet tat f’donazzjonijiet għal inizjattivi marbutin mar-Responsible Gaming u b’liema mod qed jintużaw. Iżda minkejja li erba’ xhur ilu twaqqaf ir-Responsible Gaming Fund biex jimplimenta l-istrateġija tal-Gvern f’dan il-qasam u jara li jintefqu dawn il-flus, jidher li skont dak li qal iċ-Chairperson tal-Fond Silvio Schembri, xorta għadu ma sar l-ebda investiment f’miżuri konkreti marbutin mal-logħob responsabbli.
Lanqas ma ngħatat indikazzjoni meta l-Business Plan ikkummissjonat mir-Responsible Gaming Fund, li jmexxi d-Deputat Laburista, se jkun finalizzat bil-għan li tkun tista’ tibda l-ħidma f’dan il-qasam li l-Gvern qed jikkunsidrah bħala importanti ħafna. Iċ-ċekk mill-Maltco Lotteries għar-Responsible Gaming Fund ġie ppreżentat mill-Kap Eżekuttiv tal-Maltco Ioannis Katakis.
//= $special ?>