Raġel minn Santa Luċija ġie mixli li f’Mejju li għadda seraq żewġ arloġġi minn żewġ awli fil-bini tal-Qorti stess. Charles Sciberras, ta’ 39 sena kien tressaq mill-Ispettur Jason Francis Sultana u ġie mixli quddiem il-Maġistrat Antonio Micallef Trigona, li aktar kmieni dan ix-xahar seraq tank tal-gass mill-Imsida. Huwa ġie mixli wkoll li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest imposti fuqu mill-Qorti tal-Maġistrati.
Sciberras li wieġeb mhux ħati tal-akkużi kollha miġjubin kontrih kien konfrontat minn kliem iebes mill-Maġistrat Micallef Trigona, li qallu li jekk irid jista’ jikteb ktieb fuq d-dehriet tiegħu fil-Qorti. Huwa ġie mixli li seraq żewġ arloġġi minn żewġ awli differenti kif ukoll ċilindru tal-gass minn quddiem il-ħanut Johnson’s Stores, li jinsab l Imsida.
L-arloġġi nsterqu fid-19 ta’ Mejju minn awla numru disgħa, li tintuża mill-Maġistrat Audrey Demicoli u awla numru sittax, li tintuża mill-Imħallef Tonio Mallia. Huwa ngħata l-liberta’ proviżorja fuq garanzija personali ta’ €3,000.
L-Ispettur Jason Sultana qal fil-Qorti li l-akkużat, li jdejh u saqajh huma mimlijin ġrieħi relatati ma’ titqib ta’ injezzjonijiet, għandu bżonn ħafna għajnuna biex jegħleb il-problema tat-teħid mid-droga.
//= $special ?>

