Lokali

Terrapien tal-kostruzzjoni jintrema fis-sit tal-White Rocks

Wara l-isfreġju li l-Gvern għamel bis-siġar fil-post fejn se jiġi żviluppat il-Kumpless tal-White Rocks, issa kull min jgħaddi minn dawn l-inħawi jista’ jinnota ammont kbir ta’ terrapien u materjal ieħor tal-kostruzzjoni li qed jintefa’ madwar iż-żona kollha.

Fil-jiem li għaddew, kienu residenti tal-madwar li ta’ spiss iħobbu jmorru għal mixja f’din il-medda ta’ art, li tkellmu ma’ dan l-istazzjon wara li sabu li numru ta’ siġar tneħħew minn posthom.

Iżda bħallikieku dan ma kienx biżżejjed, jidher li issa l-Gvern iddeċieda li r-radam u t-terrapien li qed jinġabar mill-proġett li għaddej tul Triq il-Kosta, jarmih ukoll fis-sit tal-White Rocks. B’diversi trakkijiet qed jiġu nnutati ta’ kuljum jittrasportaw il-materjal li qed jinġabar mit-tħaffir li għaddej fil-CoastRoad, lejn dan il-post biex jarmuh hemmhekk.

Minbarra t-terrapien mill-proġett ta’ Triq il-Kosta, fis-sit tal-White Rocks qed jinħazen ukoll ammont kbir ta’ katusi li jidher li se jkunu qed jintuzaw bħala parti mill-istess proġett, biex jiġu mgħoddija taħt it-triq li qed tinbena mill-ġdid.

Persuni li tkellmu ma’ dan l-istazzjon qalu li deċiżjoni bħal din turi li biex il-Gvern ifittex jeħles il-proġett fil-ħin, għazel l-iktar triq ħafifa, u l-eqreb sit biex jarmi l-materjal tal-bini, bil-konsegwenza li qed jgħarraq ukoll iż-żona tal-madwar li ħafna nies kienu jfittuxha għal ftit ħin ta’ mistrieħ.

Ironikament, filwaqt li s-sit tal-White Rocks jidher li sa meta titlesta t-triq ta’ Baħar iċ-Ċagħaq se jkun imtela b’aktar minn dan it-terrapien, fl-aħħar jiem il-Gvern għadu kif ħareg sejħa internazzjonali għall-iżvilupp ta’ dan is-sit f’kumpless turistiku tal-ogħla livell.

Il-proġett ta’ Triq il-Kosta, b’xogħol mifrux fuq tul ta’ aktar minn 7 kilometri, minn Pembroke sa Bugibba, u b’investiment ta’ aktar minn 53 miljun ewro, kien approvat mill-MEPA fi żmien Gvern Nazzjonalista, preċiżament f’Awwissu tal-2012. U qed isir realta’ grazzi għall-fondi Ewropej. Il-mira hu li jitlesta fit-tieni kwart tas-sena d-dieħla.

L-iżvilupp jinkludi fost oħrajn it-twessiegħ tat-triq b’aktar minn 10 metri, irranġar tas-sinjali tal-art, karreġġjata għar-roti, miżuri ġodda tas-sigurta’, bankini u anke sistema ġdida u moderna ta’ dawl tat-triq li tikkonsma anqas.

Il-proġett issa qabad ir-ritmu, u fil-jiem li għaddew Transport Malta ħabbret li aktar ma jintensifika x-xogħol, aktar jista’ jiżdied id-dewmien fit-traffiku, speċjalment f’dan iż-żmien tas-sena. Għaldaqstant, Transport Malta appellat lill-pubbliku biex fejn hu possibbli juża rotot alternattivi kif indikat mis-sinjali li twaħħlu apposta.