Lokali

“Tgħaddux minn fuq id-drittijiet tagħna!” – il-KSU

“Jekk ma tinstabx resolussjoni fil-jiem il ġejjin, il-KSU mhux se jkollu għażla oħra għajr li jieħu passi aktar radikali skont kif ikun neċessarju” – kienet din il-pożizzjoni tal-Kunsill Studenti Universitarji (KSU) b’rabta mal-aħbar li l-MUT u l-UMASA se jkunu qed jordnaw numru ta’ direttivi lill-lekċerers u lill-għalliema tal-Universita’ u l-Junior College wara li ma ntlaħaqx qbil dwar il-pakkett finanzjarju tal-ftehim kollettiv il-ġdid.

Fl-istqarrija tagħhom, intitolata ‘Do not trample on our rights!’, il-KSU qal li bħala Kunsill ħa sehem b’mod attiv f’xi negozjati li saru dwar il-ftehim kollettiv bil-għan li d-drittijiet tal-istudenti jkunu mħarsa. Madanakollu, saħaq il-KSU, il-Kunsill ma ħa l-ebda pożizzjoni fit-tilwima – u filwaqt li l-Kunsill irid jara n-negozjati jimxu ‘il quddiem, fl-ebda mument m’hu se jħalli lil min hu konċernat il jgħaddi minn fuq id-drittijiet tal-istudenti.

Fl-istqarrija tiegħu, il-Kunsill qal li l-aħbar li se jidħlu fis-seħħ numru ta’ direttivi effettivament tfisser li se tuża lill-istudenti bil-mod li l-KSU kien kritika u qal diġa’ li se jiġġieled kontra.

Il-KSU fl-istqarrija qal li dawn l-azzjonijiet industrijali jfissru li mhux se jkunu qed jiġu ppubblikati r-riżultati tal-eżamijiet. Dan, qal il-KSU, minkejja li l-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo assigura waqt laqgħa li saret mal-KSU, li kien se jintlaħaq ftehim bejn l-MUT, l-UMASA, l-Universita’ ta’ Malta u l-Gvern.

L-istudenti qatt m’għandhom jintużaw bħala għodda f’idejn min qed jagħmel in-negozjati, saħaq il-KSU filwaqt li appella biex kull naħa konċernata taħdem biex jintlaħaq kompromess.
Madanakollu, ittemm tgħid l-istqarrija tal-KSU, jekk ma tinstabx soluzzjoni fil-jiem li ġejjin, il-KSU m’hu se jkollu l-ebda għażla oħra ħlief dik li jkollu jieħu passi aktar radikali skont kif ikun neċessarju.