Lokali

Tibda l-maratona tal-volleyball b’risq id-Dar tal-Providenza

Il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca fetħet il-maratona tal-volleyball li qed issir b’risq id-Dar tal-Providenza, fil-grawnds tad-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi, u li tintemm nhar il-Ħadd f’nofsillejl.

Għall-maratona qed jagħtu sehemhom aktar minn 350 voluntier u 40 plejer u apparti l-isport innifsu, tmiem il-ġimgħa fid-Dar tal-Providenza se tkun karatterizzata wkoll minn spettaklu ta’ mużika u talent lokali.

Mat-tisfira tal-President, bdiet l-ewwel logħoba tal-maratona. Dan apparti li l-banda tal-Forzi Armati ta’ Malta akkumpanjat fil-ftuħ tal-maratona. Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Familja u s-Solidarjeta’ Soċjali Clyde Puli kien preżenti għall-ftuħ. Preżenti wkoll is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilita’ u l-Anzjanita’ Attiva’ Justyne Caruana.

Tul it-tlett ijiem tal-maratona dawk li se jżuru l-maratona, se jkunu jistgħu igawdu minn spettaklu miżgħud bl-aqwa talent lokali, fosthom minn Fiona Cauchi, Danica Muscat, Kurt Cassar, Malcolm Pisani, Chris u Moira, Kurt Calleja, The Greenfields, JAnvil, Gaia Cauchi, il-kor ta’ Gillian Attard, Fderica Falzon, Freddie Portelli u l-band ta’ Spiteri Lucas.

Apparti minn hekk se jkun hemm ukoll għażla vasta ta’ ikel u xorb, kif ukoll ‘area’ għat-tfal fejn jistgħu jilgħabu. U għad-dilettanti tal-futbol li ma jixtiequx jitilfu xi partita tat-Tazza tad-Dinja ma jonqosx ‘big screen’.

Il-maratona tintemm il-Ħadd f’nofsillejl. Id-Dar tal-Providenza tospita aktar minn mitt resident u għandha bżonn aktar minn €10,000 kuljum biex tkun tista’ twettaq il-ħidma tagħha.

Il-maratona se tkun qed tixxandar fuq l-istazzjonijiet prinċipali, fosthom fuq Net Television.