BRAŻIL……………….2
KOLOMBJA……………..1
Brażil: Julio Cesar, Thiago Silva, David Luiz, Fernandinho, Marcelo, Hulk (Ramires 83′),
Paulinho (Hernanes 86′), Fred, Neymar, Oscar, Maicon
Kolombja: Ospina, Zapata, Yepes, Sanchez, Armero, Gutierrez (Bacca 70′), Rodriguez,
Cuadrado (Quintero 80′), Guarin, Ibarbo (46′ Ramos), Zuniga
Imwissija: T. Silva, Cesar (B), Rodriguez, Yepes (K)
Skurjaw: T. Silva 7′, Luiz 69′ (B), Rodriguez 78′ (pen) (K)
Referee: Carlos Velasco (SPA)
Żewġ gowls ta’ żewġ difensuri taw rebħa ta’ 2-1 lill-Brażil fuq il-Kolombja biex issa fis-semifinali t-tim ta’ Luiz Felipe Scolari se jilgħab kontra l-:ermanja li aktar kmieni l-bieraħ eliminaw lil Franza. L-uniku bidla li għamel Scolari mill-aħħar logħba kontra ċ-Ċile kienet li minflok Dani Alves fid-difiża beda Maicon. Fl-ewwel taqsima l-Brażil ħarġu jattakkaw biex isibu l-gowl kmieni u l-avversarji tagħhom lanqas biss kellhom xutt fil-lasta.
Wara sitt minuti wasal il-gowl tal-Brażiljani meta minn azzjoni ta’ corner mogħti minn Neymar ħadd ma laħaq il-ballun li spiċċa għand Thiago SILVA li b’irkopptu, mill-viċin tefa’ l-ballun fix-xibka għal skor ta’ 1-0. Qabel dan il-gowl, l-aħħar darba li captain Brażiljan skurja fit-Tazza tad-Dinja kien dak ta’ Rai fl-edizzjoni tal-1994 li kienet mirbuħa mill-Brażil stess. Barra minn hekk, Neymar, awtur ta’ erba’ gowls u assist sar l-ewwel Brażiljan sa mit-Tazza tad-Dinja tal-2002 li kien involut f’ħames gowls. L-uniku risposta tal-Kolombja waslet fil-11-il minuta meta Cuadrado għamel ħarba tajba u ipprova xutt li kien devjat minn Silva u kompla sejjer barra. Fl-20 minuta Hulk ipprova xutt minn qagħda angulata imma dan kien imblukkat. Seba’ minuti wara l-istess Hulk għadda ballun lejn Marcelo li ra x-xutt tiegħu jkun devjat minn sieħbu stess Fred.
L-aħħar ċans għall-Brażil wasal fl-40 minuta meta Fernandinho kellu daqqa ta’ ras li spiċċat għoli. Fit-tieni taqsima l-Kolombja ma kellhomx għażla ħlief li jżidu fil-logħob tagħhom bit-tama li jsibu l-gowl tad-draw. Fil-50 minuta dawn kellhom l-ewwel ċans meta l-ewwel xutt ta’ Cuadrado kien ikklirjat u mir-rebound il-ballun spiċċa għand Rodriguez li għadda lejn Ramos imma x-xutt tiegħu kien kemmxejn għoli. Fil-65 minuta l-Kolombjani kellhom gowl ta’ Yepes ġustament imħassar għal offside. It-tamiet li kellhom il-Kolombja ħadu daqqa ta’ ħarta meta erba’ minuti wara l-Brażil irduppjaw l-iskor u din id-darba kien id-difensur l-ieħor David LUIZ li skurja b’xutt b’saħħtu għal skor ta’ 2-0.
Ir-reazzjoni tal-Kolombja waslet fis-77 minuta meta l-Kolombja ingħataw penalty. Dan meta l-gowlkiper Julio Cesar waqqa` lil Bacca li kien daħal fil-kaxxa wara li irċieva mingħand Rodriguez u mill-11-il metru RODRIGUEZ ma żbaljax biex skurja s-sitt gowl tiegħu f’din l-edizzjoni. Minkejja l-isforzi tal-Kolombja l-Brażil b’xi mod iddefendew biex kisbu l-kwalifikazzjoni. Aħbar ħażina għall-Brażiljani hi li fis-semifinali ta’ nhar it-Tlieta se jkollhom lil Thiago Silva sospiż.
Wieħed irid jara wkoll f’liema kundizzjoni se jkun Neymar li inħareġ fuq stretcher fl-aħħar minuti. B’din ir-rebħa l-Brażil żamm ir-rekord pożittiv intatt hekk kif minn 26 darba li lagħab kontra l-Kolombja tilef biss darbtejn.
//= $special ?>