Lokali

Dar Ġużeppa Debono b’proġett b’risq it-tfajliet li jinqabdu tqal

In-numru ta’ tfajliet taht l-20 sena fl-ahhar snin, kull ma jmur, kompla jizdied. Biss biss, fis-sena 2010, twieldu 212-il tifel u tifla barra miz-zwieg minn tfajliet ta’ taht l-20. Minn dawn, 30 qalu li ma jafux min hu l-missier.

Din ir-realta’ kienet fil-qofol tal-proġett LWIEN, proġett kofinanzjat mill-fondi tal-Unjoni Ewropea u li kien jinvolvi ħidma bejn Dar Ġużeppa Debono u l-Iskola Sekondarja tal-Kulleġġ t’Għawdex.

Proġett li l-għan tiegħu kien li jeduka u jipprevjeni it-tqala fit-tfajliet, filwaqt li joffri l-għajnuna lil dawk li issa saru ommijiet.

Dar Ġużeppa Debono hija għaqda non-governattiva li twaqqfet f’Għawdex mill-Isqof Nikol Cauchi fl-1985. U matul is-snin, din id-dar offriet l-għajnuna tagħha lil mijiet ta’ tfajliet biex jegħlbu l-problemi li jiltaqgħu magħhom meta jinqabdu tqal f’eta’ żgħira.

F’konferenza tal-aħbarijiet, filwaqt li faħħar dan il-proġett, il-Ministru għal Familja u s-Solidarjeta’ Soċjali Michael Farrugia qal li l-pajjiż għandu bżonn jindirizza l-problema fejn it-tfajliet lanqas biss jafu min hu l-missier ta’ uliedhom. Dan għandu jimxi id f’id ma’ ħidma biex dawn it-tfajliet ma jfittxuh li jgħixu fuq il-benefiċċji soċjali iżda jingħataw opportunitajiet ġodda biex jiffurmaw karriera u jimxu ‘l quddiem fis-soċjeta’.

Tkellem ukoll is-Segretarju Parlamentari għall-Presidenza Ewropea 2017 u Fondi Ewropej Ian Borg, li qal li l-Gvern se jkun qed jalloka €25 miljun b’risq l-inklużjoni soċjali, li se jmorru wkoll f’għajnuna għal dan il-proġett.