L-ewwel gowl f’din l-diviżjoni tat-tazza tad-Dinja ta’ Gonzalo Higuain kien biżżejjed għall-Arġentina biex dawn għelbu lill-Belġju fil-kwarti finali u hekk għaddew għas-semi finali.
Ir-rebħa tal-Arġentina kienet meritata f’logħba li ftit li xejn laħqet livell għoli ta’ logħob. Il-Belġju ddiżappuntaw fejn għamlu ħinijiet twal maqtugħa barra mil-logħba.
Wara biss seba’ minuti l-Arġentina marru fil-vantaġġ b’azzjoni mibdija minn Messi li qassam lejn Di Maria li kompla lejn Higuain li b’xutt mill-ewwel minn tarf il-kaxxa ħalla lil Courtois iħares bil-ballun fir-rokna tax-xibka, biex l-attakkant ta’ Napoli skorja l-ewwel gowl tiegħu f’din it-Tazza tad-Dinja.
L-ewwel reazzjoni Belġjana waslet erba’ minuti wara bix-xutt ta’ De Bruyne jgħaddi ftit barra. Il-logħba kienet interessanti bil-Belġjani jieħdu l-inizzjattiva iżda l-Arġentini bdew jagħlqu tajjeb u jippruvaw il-ħarbiet ta’ Messi.
Fil-25 minuta xutt ieħor ta’ De Bruyne kien salvat b’diffikulta mill-gowlkeeper Arġentin Romero. Man nofs siegħa logħob daqqa ta’ ħarta għall-Arġentina li tilfu wieħed mill-aħjar elementi tagħhom, Angel Di Maria li weġġa’ u kellu jinbidel ma’ Perez.
Fit-38 minuta Lionel Messi rebaħ freekick eżatt minn tarf il-kaxxa minn pożizzjoni ċentrali, u mill-istess freekick kien l-istess Messi li xeħet ftit għoli. }ewġ minuti wara azzjoni perikoluża tal-Belġju bid-daqqa ta’ ras mill-viċin ta’ Kevin Mirallas tmur ftit barra.
Fil-bidu tat-tieni taqsima Arġentina bdew fuq l-attakk b’xutt ta’ Higuain jaħbat ma’ Van Buyten bil-ballun imur ftit barra. Fl-54 minuta azzjoni mill-isbaħ ta’ Higuain li qabeż lil Kompany u waħdu quddiem Courtois ra x-xutt tiegħu jgħaddi jħakkek mal-mimduda.
Il-kowċ Belġjan għamel bidla doppja fejn ħarġu Origi u Mirallas u minflok daħlu Mertens u Lukaku. Ftit wara kien Fellaini li resaq qrib b’daqqa ta’ ras tmur ftit għolja. Iktar ma beda għaddej il-ħin iktar il-Belġjani bdew iżidu l-isforzi iżda l-idejat kienu konfużi u l-Arġentini ddefendew tajjeb minkejja xi mumenti ta’ paniku.
Fil-ħin miżjud Lionel Messi ħarab waħdu iżda quddiem Courtois ra x-xutt tiegħu salvat mill-gowlkeeper belġjan biex f’risposta immedjata l-Belġju għal ftit ma kisbux draw drammatiku bix-xutt finali ta’ Wisel imur barra.
//= $special ?>

