Lokali

Il-Kap Eżekuttiv tal-Gozo Sports Board imħallas mill-Ministeru għal Għawdex

Issa hija kkonfermata. Il-Kap Eżekuttiv tal-Gozo Sports Board, Elvin Grech, qed jitħallas mill-Ministeru għal Għawdex, il-Ministeru mmexxi minn Anton Refalo.

Anton Refalo kkonferma dan fi tweġiba għal mistoqsija parlamentari li saret mid-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar.

Fil-jiem li għaddew, fil-midja ssemmiet is-somma ta’ 40,000 ewro bħala paga li jieħu Elvin Grech mill-Ministeru għal Ghawdex.

Elvin Grech bħalissa jinsab f’nofs kontroversja wara li nstab ħati, sentenza kkonfermata mill-Qorti tal-Appell, li kien involut f’każ ta’ dokumenti foloz, meta kien Segretarju Ġenerali tal-Gozo Football Association. Illum, Grech huwa l-President tal-istess GFA, u fl-aħħar sena inħatar ukoll Kap Eżekuttiv tal-Gozo Sports Board.

Fit-tweġiba li ta fil-Parlament, Anton Refalo qal li l-Ministeru għal Għawdex, minbarra l-paga ta’ Elvin Grech, iħallas ukoll il-paga ta’ skrivan fuq bażi ta’ part-time.

Fl-aħħar jiem, Elvin Grech ingħata vot ta’ fiduċja kemm mill-Gozo Sports Board kif ukoll mill-GFA u anke mill-MFA li tagħha huwa membru bħala rappreżentant tal-Assoċjazzjoni Għawdxija.

Fil-midja kien ġie żvelat ukoll li meta Elvin Grech laħaq CEO tal-Gozo Sports Board, il-Ministru Anton Refalo kien jaf b’kollox dwar il-każ li kellu quddiem il-Qorti. Tant li Anton Refalo kien l-avukat li ta l-parir lil Grech ta x’għandu x’jgħid waqt l-interrogazzjoni mill-pulizija. Xi ħaġa li ħarġet fil-Qorti.

Minkejja dan kollu, u minkejja li s-sentenza sospiża ġiet ikkonfermata wkoll mill-Qorti tal-Appell, Elvin Grech baqa’ iżomm il-karigi li għandu u jieħu l-istess paga li kien jieħu qabel mill-Ministeru għal Għawdex.