Lokali Qorti

Investigazzjoni dwar iż-żewġ Pulizija li immaltrattaw tfajliet Ċileni

Fuq ordni tal-Qorti, il-Ministru ghall-Intern u s-Sigurta’ Nazzjonali, Manuel Mallia, ordna li ssir investigazzjoni dwar żewġ Pulizija li  allegatament immaltrattaw żewġ tfajliet Ċileni. Dan wara li bandiera li kienu qed iġorru t-tfajliet għaddiet bi żbrixx minn ma’ wiċċ iż-żewg uffiċjali tal-Pulizija.

Il-bandiera kienet qed tinġarr fl-okkazjoni tal-logħob tat-Tazza tad-Dinja.

Mill-Qorti ħareġ li kien hemm ċertu inkonsistenzi fix-xhieda tal-Pulizija fil-kawża. Il-Qorti semghet wkoll ix-xhieda tan-nisa Ċileni għal mod kif ġew trattati mill-Pulizija meta ġew arrestati. Huma ġew mixlijin li kkaġunaw feriti fuq persuni u rreżistew lil Pulizija bi vjolenza f’San Ġiljan.

Iżda mill-provi fil-Qorti rriżulta li n-nisa wara li ttieħdu l-kwartieri generali tal-Pulizija kienu immaltrattati u saret ‘strip search’ fuqhom u l-għada tressqu l-Qorti.

Fis-sentenza tiegħu l-Maġistrat Micallef Trigona nnota numru ta’ inkonsistenza min-naħa tas-surgenti. L-Imħallef nnota wkoll l-fatt li n-nisa għamlu stqarrija lil Ispettur tal-Pulizija Trevor Micallef dwar dak li ġara, u li l-Qorti ddeskriviet bħala ezemplari t-trattament ta’ Micallef fil-konfront taż-żewġ tfajliet.

Il-Maġistrat Micallef Trigona ordna li s-sentenza flimkien max-xiehda tgħaddi għand il-Ministru għall-Intern u għand il-Kummissarju tal-Pulizija, biex tittieħed azzjoni dixxiplinarja fil-konfront taż-żewġ Pulizija .

It-tfajliet kienu lliberati minn kull akkuża.

Fil-kummenti tiegħu l-Magistrat qal li l-Pulizija nvoluti f’dan il-każ m’għandhomx jitħallew jilbsu l-uniformi peress li ġabu diżunur għal korp. L-avukati Gianella De Marco u Gianluca Caruana Curran dehru għat-tfajliet Ċileni.