Il-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala, li hu ffurmat minn maġġoranza Laburista, qed joġġezzjoni bl-iktar mod qawwi għad-dokument ta’ politika ġdida li saret mill-MEPA dwar l-għoli tal-bini.
Wara diskussjoni li saret, il-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala qabel li l-lokalita’ ġiet eskluża miż-żona li fiha jista’ jsir bini għoli, imma ma’ jaqbilx assolutament li f’din il-lokalita’ jista’ jinbena bini ta’ daqs medju.
Il-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala ħabbar il-pożizzjoni tiegħu waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret is-Sibt filgħodu bara l-uffiċċji tal-Kunsill ta’ Marsaskala stess.
Fl-argumenti tiegħu, il-Kunsill Lokali qed jisħaq li jekk bini ta’ livell medju jiġi permess fil-lokalita’, dan se joħloq djar ta’ kwalita’ baxxa. Dan iwassal ukoll biex residenzi eżistenti jonqsu fil-valur tagħhom.
Il-Kunsill Lokali saħaq ukoll li dan se jħalli mpatt qawwi fuq l-infrastruttura u s-servizzi eżistenti. Dan minbarra li se jinħoloq ukoll impatt fuq l-infrastruttura tat-toroq. Ma jistax jonqos ukoll, żied jgħid il-Kunsill Lokali, li l-problema serja diġa’ eżistenti tat-traffiku se tkompli tiggrava.
Bini ta’ dan l-għoli se jaffettwa wkoll lil residenzi oħra li ħandhom pannelli solari għaliex kif mistenni, dan il-bini ġdid se jnaqqas id-dawl naturali. Żvilupp ġdid ta’ dan it-tip se jwassal ukoll biex tinqered il-veduta u l-karatteristiċi oriġinali tal-lokalita’ bħalma ġara wara li sar l-iżvilupp Ta’ Monita. Dan iħassar ukoll il-promozzjoni li l-kunsill lokali ilu jagħmel biex jattira dejjem iktar turisti lejn il-lokalita’.
Il-Kunsill Lokali fakkar ukoll li iżjed residenzi u popolazzjoni ikbar tkompli żżid il-pressjoni fuq servizzi essenzjali bħad-dawl u l-ilma. Għalhekk ikun hemm bżonn li jsiru sub stations oħra u infrastruttura li biex issir iridu jinqalgħu toroq li saru mill-kunsill.
Il-Kunsill Lokali qal li dawn il-problemi ġodda kollha huma ikbar mill-vantaġġi li dan il-bini ogħla jista’ joffri u qed joġġezzjoni bil-qawwi għaliex l-uniku li se jgawdi hu l-kuntrattur.
//= $special ?>