Ambjent Lokali

Din L-Art Ħelwa tisħaq fuq protezzjoni mill-iżvilupp għaż-żona kostali f’Pembroke madwar is-sit Natura 2000

L-għaqda mhux governattiva Din l-Art Ħelwa saħqet fi stqarrija li ż-żona kostali f’Pembroke madwar is-sit Natura 2000 għandha tkun protetta mill-iżvilupp. Għaldaqstant, Din l-Art Ħelwa appellat lill-Gvern biex juri u jiddefendi l-kredenzjali ambjentali tiegħu.

Din l-Art Ħelwa talbet lill-Ministru responsabbli mill-Ambjent Leo Brincat u lis-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar Michael Falzon, biex jassiguraw li l-ambjent kostali u għelieqi fiż-żona tal-White Rocks f’Baħar iċ-Ċagħaq, ma jitgħattewx bil-konkrit mill-iżviluppaturi.

Din l-Art Ħelwa talbet lill-Ministru Brincat biex jibda studju dwar l-ekologija taż-żona kostali fil-White Rocks, għall-inkluzjoni possibbli bħala estensjoni tas-sit Natura 2000 f’Pembroke.

Fi stqarrija, Din l-Art Ħelwa fissret kif il-gvern, minflok qed iħares din iż-żona, ħabbar pjani biex iżid id-daqs tal-kumpless oriġinali tal-White Rocks u qed joffrih lill-ispekulaturi u lill-iżviluppaturi.

L-NGO żiedet li flok isir tisħiħ tal-kumpless eżistenti li jinsab dilapidat permezz ta’ proġett li jkun sensittiv għall-arkitettura preżenti u t-tisbiħ tas-sit, il-gvern hu intenzjonat li jippermetti li jsir żvilupp.

Din l-Art Ħelwa temmet l-istqarrija u qalet li dan kollu jista’ jissodisfa lill-iżviluppaturi fiż-żmien qasir, iżda ma jagħmilx ġid lil Malta fit-tul taż-żmien. Dan għaliex, skont l-NGO, iż-żoni kostali u rurali ta’ Malta qed jitnaqqru minn aktar żvilupp, b’detriment għas-sbuħija tal-pajsaġġ naturali Malti.