Sport Sport Ieħor

Djokovic jgħeleb lil Federer f’finali eċċitanti

F’finali eċċitanti li damet għaddeja erba’ siegħat Novak Djokovic għeleb lil Roger Federer fil-finali tal-Open ta’ Wimbledon. Din kienet it-tieni darba li Djokovic rebaħ dan l-Open u fl-istess ħin ċaħħad lil Federer mit-tmien titlu ta’ Wimbledon u mid-19-il Grand Slam tiegħu. Din kienet l-ewwel darba sa mill-2009 li l-finali ta’ Wimbledon ġiet deċiżva fuq ħames sets. Fir-raba’ set Djokovic deher li kien se jarmi l-vantaġġ li kellu imma hekk kif Federer beda dieħel fil-logħba Djokovic rebaħ fl-aħħar set biex qatel kull tama li kellu t-tennista Żvizzeru.

It-tennista mis-Serbja rebaħ bi skor ta’ 6-7 (7-9) 6-4 7-6 (7-4) 5-7 6-4. Dan kien is-seba’ Grand Slam li rebaħ Djokovic fil-karriera tiegħu biex laħaq tennisti bħal ma huma Mats Wilander u John McEnroe.

Fl-aħħar tliet finali ta’ Grand Slams Djokovic kien dejjem spiċċa fuq in-naħa telliefa u issa bir-rebħa li kiseb il-bieraħ Djokovic se jitla’ fl-ewwel post fir-rankings mondjali filwaqt li Rafael Nadal jinżel fit-tieni post. Ta’ dan is-suċċess Djokovic irċieva s-somma ta’ 1.7 miljun lira sterlina.

F’kummenti li ta wara li intemmet il-logħba Djokovic qal, “L-ewwel ħaġa nixtieq ngħid prosit lil Federer li kellu logħba mill-aqwa u hu għalhekk li rebaħ 17-il Grand Slam. Minn naħa tiegħi, wara li tlift ir-raba’ set ma kinitx faċli biex nirkupra u nirbaħ il-ħames set. L-Open ta’ Wimbledon hu l-aqwa kompetizzjoni tat-tennis u l-aktar turnament li nkun qed nittama li nirbaħ.”