Bejn Jannar u Ġunju ta’ din is-sena ma daħal l-ebda cruise liner f’Għawdex. F’dawn l-ewwel sitt xhur daħal biss cruise liner wieħed f’Kemmuna u żewġ cruise liners li kienu ppjanti li jidħlu fil-port tal-Imġarr Għawdex kienu kkanċellati minħabba l-maltemp.
Dan ħareġ ċar mit-tweġiba ta’ żewġ Ministri tal-Gvern għal erba’ mistoqsijiet parlamentari li għamel id-Deputat Nazzjonalista Chris Said.
Fil-Parlament il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura Joe Mizzi qal li l-ewwel cruise liner li daħal f’Għawdex u Kemmuna daħal nhar il-Ġimgħa 27 ta’ Ġunju.
Dan ifisser li sa nofs is-sena ma kien hemm l-ebda cruise liner li daħal fil-port ta’ Għawdex.
Id-Deputat Chris Said għamel ukoll żewġ mistoqsijiet parlamentari dwar kemm-il cruise liner huwa ppjanat li jidħol f’Għawdex fit-tieni nofs tas-sena – bejn l-1 ta’ Lulju u l-aħħar tas-sena 2014.
Ir-risposti li ingħataw mill-Ministru Joe Mizzi u mill-Ministru għal Għawdex Anton Refalo juru li fl-aħħar sitt xhur tas-sena huwa mistenni li jidħlu biss tliet cruise liners barra l-Port tal-Imġarr u vapur ieħor barra Kemmuna.
Jekk wieħed jiġbor flimkien l-ammonti li taw iż-żewġ Ministri tal-Gvern fir-risposti tagħhom dwar l-ewwel u t-tieni nofs tas-sena wieħed jkkonkludi li matul din is-sena se jkunu daħlu biss 3 cruise liners f’Għawdex u 2 oħra f’Kemmuna – ammont li ma tantx jawgura tajjeb għas-settur turistiku u dak ekonomiku fil-gżira ta’ Għawdex.
Dan l-ammont jistona mhux bi ftit mal-ammont ta’ cruise liners li daħlu fil-gzira ta’ Għawdex fis-sentejn li għaddew. Dan hekk kif dan is-sit huwa infurmat li matul l-2012, l-aħħar sena ta’ gvern Nazzjonalista, f’Għawdex daħlu 16-il cruise liner li ġabu lejn Għawdex total ta’ ftit iktar minn 3,500 turist. Is-sena li għaddiet, daħlu f’Għawdex 15-il cruise liner li ġabu lejn Għawdex madwar 2500 turist.
Dawn in-numri huma ferm ‘il bogħod minn dak li qed jiġi previst għal din is-sena meta skont il-Ministri Joe Mizzi u Anton Refalo l-previżjonijiet qed juru li huma biss tlieta l-cruise liners li se jkunu qed jidħlu f’Għawdex filwaqt li tnejn oħra se jidħlu f’Kemmuna – ammont li qed iwassal lil ħafna biex jistaqsu x’inhi d-direzzjoni ta’ dan il-Gvern għal dan il-qasam daqshekk importanti għall-gżira ta’ Għawdex.
//= $special ?>